Lokali

In-Nazzjon ikompli jiżvela dwar l-allegazzjonijiet serji fil-WasteServ ta’ Għawdex

Kien hemm okkażjonijiet meta konsenji ta’ skart kienu rifjutati milli jinħarqu fl-Inċineratur tal-Marsa għax id-dokumenti li kellhom jakkumpanjawhom kienu qarrieqa jew żbaljati.

Hekk żvela l-ġurnal In-Nazzjon, li qed ikompli jsegwi l-allegazzjonijiet serji fil-mod kif qed titmexxa il-WasteServ f’Għawdex, fejn ħaddiema saħansitra qed jallegaw li qed ikunu vittma ta’ bullying.

In-Nazzjon kompla li meta x-xufier li kien xogħol dakinhar ċempel lis-superjuri tiegħu f’Tal-Kus, lil dan ordnawlu biex akkost ta’ kollox ma jirritornax bil-kunsinja lura f’Għawdex għax kien se jispiċċa ħażin hu. Ħaddiem ieħor kien saħansitra mhedded li jtellfulu l-impjieg.

Fl-aħħar jiem kienu żvelati dettalji dwar kif skips bi ħwejjeġ u tagħmir użat għall-iswab tests fix-Xewkija, ġieli kienu trasportati b’dan il-mod abbord il-vapur tal-Gozo Channel. Issa, In-Nazzjon qed jiżvela wkoll kif xufiera jew ħaddiema oħra tal-WasteServ f’Għawdex kienu jintbagħtu jgħabbu l-iskips kontaminati mingħajr ilbies protettiv.

Dawn l-istejjer qed jitfgħu pressjoni fuq il-Ministeru Għawdex, bil-Ministru Clint Camilleri jinsab b’dahru mal-ħajt – jew jieħu passi jew jispiċċa hu l-ħaruf tas-sagrifiċċju għal dawn l-allegati abbużi serji.

In-Nazzjon ikkritika l-kompliċità tat-tmexxija tal-WasteServ f’Għawdex għal dawn l-abbużi meta ma għamlet l-ebda moss biex tikkontrolla s-sitwazzjoni jew tassigura s-siurtà ta’ saħħet il-ħaddiema.

Il-ġurnal temm billi qal li mhux ġust li ħaddiem imur għall-ġurnata tax-xogħol tiegħu u kappriċċjożament isib lil min jagħmillu ħajtu infern jew, agħar minn hekk, jipperikolahielu.