Lokali

Is-sajjieda tagħna għandhom jingħataw il-protezzjoni li ġew imwegħda – PN

Qed jiġu rrappurtati każijiet fejn sajjieda qed ikunu attakkati waqt il-ħidma tagħhom fuq il-baħar. Kienu diversi s-sajjieda li diġà rrappurtaw li kienu attakkati minn sajjieda oħra barranin, bil-Gvern suppost kellu jibda jipprovdi l-protezzjoni għas-sajjieda tagħna Maltin.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd Edwin Vassallo, li tenna kif madankollu, jidher li l-Gvern Laburista aktar interessah mill-propaganda milli kif effettivament se jipprovdi s-sigurtà u jiddefendi lill-istess sajjieda meta dawn ikunu fuq xogħolhom.

Għaldaqstant, quddiem dan ix-xenarju, il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern iżomm kelmtu u jżomm ma’ dak li kien ħabbar u ma jonqosx milli jwettaq dmiru u jipproteġi lis-sajjieda Maltin fuq il-baħar.

M’għandniex nippermettu li l-ewwel ikollna xi diżgrazzja qabel mal-Gvern jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu u jwettaq dak li jwiegħed, temmet tgħid l-istqarrija.