Futbol Sport

It-tieni telfa f’erbat ijiem għat-tim Malti ta’ taħt il-21 sena

(Ritratt: Joe Borg)

MALTA…………………….0

RUMANIJA……………….3

It-tim Malti ta’ taħt il-21 sena sofra t-tieni telfa f’erbat ijiem kontra l-qawwa tar-Rumanija. It-tim immexxi minn Silvio Bella kien għadu ġej minn telfa ta’ 2-0 kontra l-Irlanda ta’ Fuq nhar il-Ġimgħa li għadda.

Ir-Rumeni fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ wara biss sitt minuti meta minn kontrattakk veloċi kien DENNIS MAN li qabeż tajjeb lil Ayrton Attard u b’xutt fil-baxx ikkonkluda wara Timothy Aquilina. It-tim Malti wettaq reazzjoni u deher li rnexxielu jsib xi ftit saqajh fil-partita minkejja l-bidu ħażin li kellu. Fit-30 minuta minn azzjoni maħduma b’mod tajjeb bejn numru ta’ plejers, il-konklużjoni ta’ Ayrton Attard kienet salvata b’mod tajjeb mill-golwkiper Vlad.

Fl-40 minuta, r-Rumanija ngħataw penalty wara li Carlo Zammit Lonardelli deher iwaqqa’ lil Mihăilă fil-kaxxa. Minn ħdax -il metru, COSTACHE tefa’ l-ballun naħa u lil Aquilina n-naħa l-oħra. Ir-Rumanija komplew juru s-superjorità tagħhom fit-tieni taqsima fejn fit-83 minuta minn corner ta’ Cimapnu kien DENIS HARUT li għamilhom 3-0. B’hekk b’din ir-rebħa baqgħu fit-tieni post tal-klassifika ta’ Grupp 8 tar-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-21 sena b’16 -il punt filwaqt li t-tim Malti baqgħa ankrat fil-qiegħ tal-klassifika b’punt wieħed.

Malta: Aqulina, Borg (Zammit Lonardelli), Pulis, Shaw, Dimech, Mbong, Busuttil (Beerman), Grech, Satariano, Portelli (Spiteri), Attard (Xuereb)

Rumanija: Vlad, Oprut, Ghita, Mihaila (Matan), Casap (Ciobanu), Man, Marin, Chindris, Harut, Costache, Olaru

Referee: Gergo Bogár 

Assistent referees: Istvan Albert, Gergo Vigh-tarsonyi