Lokali Qorti

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tawgura lill-Avukat Victoria Buttigieg

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista awgurat lill-Avukat Victoria Buttigieg li ntagħżlet bħala Avukat Ġenerali ġdid. Dan wara li kienet qed isservi bħala Avukat tal-Istat u issa se tkun l-ewwel mara li se sservi fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista awgurat ukoll lill-Avukat Buttigieg għax-xogħol iebes li għandha quddiemha biex terġa’ tistabilixxi d-dinjità u r-rispett lejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali wara li dan l-Uffiċċju spiċċa mtappan mill-predeċessur tagħha, li spiċċa pupazz f’idejn il-Gvern Laburista, li ħataf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Fi stqarrija, iffirmata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista awgura wkoll lill-Avukat Ġenerali l-ġdid li twettaq xogħolha bla biża’ u mingħajr ma tħares lejn uċuħ.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-pass li jmiss hu li l-Gvern jaċċetta l-proposta li ressqet l-Oppożizzjoni fir-Riforma Kostituzzjonali, li tiżgura li l-għażla tal-Avukat Ġenerali tibqa’ dejjem waħda imparzjali, awtonoma u indipendenti bil-Liġi, billi l-Bord tal-Ħatra jkun wieħed indipendenti u mhux patiġġjan.