Lokali

“Lanqas pandemija ma tiġi bejn imħabbitna” – koppja tikkanċella t-tieġ darbtejn

Wara ħafna stennija, uħud minnhom saħansitra snin, bosta għarajjes kellhom iħassru jew jipposponu t-Tieġ tagħhom – kontra qalbhom – konsegwenza tal-pandemija li pajjiżna qed iħabbat wiċċu magħha.

Fosthom koppja li kellha tħassar it-Tieġ ħesrem … it-tieni darba f’erba’ xhur wara li l-għarus sfortunatament ittestja pożittiv għal virus.

NET News tkellem mal-għarusa, li xtaqet tibqa’ anonima minħabba raġunijiet personali, fejn saħqet li lanqas pandemija ma hi se tiġi bejn l-imħabba tagħhom.

Hi spjegat kif minħabba l-fatt li t-Tieġ – li kellu jsir fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet – tħassar, tilfu ħafna flus minħabba l-fatt li ma sabitx għajnuna mingħand kulħadd.

Din il-persuna, li fetħet qalbha magħna, saħqet li l-koppja tilfet ħafna flus ukoll … anke meta l-awtoritajiet kienu ħabbru l-posponiment assolut tal-attivitajiet tal-massa.

Hi spjegat li hawn ħafna koppji bħalissa li għaddejjin minn żmien diffiċli ferm u ma jridux ifittxu aktar ostakli, iżda min jifimhom.

Filwaqt li rringrazzjat lil kulmin tahom sostenn matul dan iż-żmien diffiċli, temmet tgħid li għalihom u għal ħafna għarajjes oħrajn, dan l-intopp – qawwi kemm hu qawwi – se jservi biex aktar iqawwilhom qalbhom għad-deċiżjoni li ħadu biex iqattghu ħajjithom marbutin fiż-Żwieġ.