Internazzjonali

Maħtufa waħda mill-mexxejja tal-Oppożzzjoni tal-Belarus

L-UE tappella sabiex tinħeles Maria Kolesnikova u l-bqija tal-arresti politiċi

L-Unjoni Ewropea qed tappella lill-Awtoritajiet tal-Belarus sabiex dawk kollha li nħatfu u nżammu waqt dimostrazzjonijiet fit-toroq ta’ Minsk b’reazzjoni għar-riżultat elettorali, jinħelsu minnufih.

Dan wara li waħda mill-mexxejja tal-Oppożizzjoni, Maria Kolesnikova, ġiet irrapportata nieqsa tul il-jum ta’ Tnejn wara li xhieda lemħu xi persuni wiċċhom mgħotti jinżlu minn vann, jaħtfuha u jixħtuha fih.

Hija kienet waħda minn tlett nisa li ngħaqdu sabiex jisfidaw lill-President Alexander Lukashenko – b’eluf ta’ persuni joħorġu jipprotestaw fit-toroq tal-Belt Kapitali Minsk wara li Lukashenko reġa’ għal darb’oħra ġie elett President.

Tul il-jum tal-Ħadd ġew arrestati tal-inqas 600 persuna filwaqt li 4 persuni tilfu ħajjithom u mijiet indarbu waqt id-dimostrazzjonijiet.

Dan kollu wara li Lukashenko, li ilu jżomm it-tmun tal-pajjiż f’idejh sa mill-1994, qed jiġi deskritt bħala mexxej korrott u dittatorjali. Huwa akkuża lill-pajjiżi tal-Punent b’indħil politiku.