Xejn anqas minn 700 messaġġ f’sensiela ta’ konversazzjonijiet bejn Yorgen Fenech u l-Ministru Edward Zammit Lewis matul is-sena li għaddiet.
Dan kien żvelat mill-ġurnal Times of Malta, hekk kif dawn il-mesaġġi bejn is-suspettat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja huma parti minn data cache li mistennija jkunu żvelati fil-Qorti fil-ġranet li ġejjin.
Filwaqt li l-allegat involviment ta’ Yorgen Fenech ma kienx magħruf b’mod puubbliku, hu kien identifikat bħala suspettat lejn in-nofs tal-2018. Barraminhekk, f’Novembru tal-2018, madwar sena qabel kien arrestat, l-Aġenzija Reuters kienet żvelat li Yorgen Fenech kien is-sid tal-kumpanija 17 Black, il-kumpanija li kellha tgħaddi miljuni ta’ ewro lill-kumpaniji fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Ikkuntattjat mill-ġurnal, Edward Zammit Lewis qal li kien qata’ kull kuntatt minn ma Yorgen Fenech ferm qabel ġie arrestat f’Novembru tas-sena li għaddiet. Qal ukoll li ma kellu l-ebda relazzjoni ma’ Fenech, la legali u lanqas kummerċjali, u ma kellu l-ebda forma ta’ relazzjoni li minnha ħa xi benefiċċju.
F’Lulju li għadda, Zammit Lewis kien ċaħad li kellu xi relazzjoni ma’ Yorgen Fenech u qal li sar jafu meta kien Ministru tat-Turiżmu għax l-imprenditur hu operatur ewlieni fis-settur.
Din il-qrubija taf tqajjem dubji dwar kunflitt ta’ interess għal talba dwar Maħfra Presidenzjali għax kwalunkwe talba tibda quddiem il-Ministru tal-Ġustizzja.
Aktar kmieni dan is-Sajf, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jekk ikun magħruf li membri tal-Kabinett għandhom relazzjoni mill-qrib ma’ Yorgen Fenech, hu jħeġġiġhom li ma jieħdux sehem fi kwalunkwe diskussjoni, f’każ li jkun hemm talba oħra għal Maħfra Presidenzjali.
Robert Abela qal li hemm data li għalih hi l-linja meta kwalunkwe komunikazzjoni ma’ Yorgen Fenech kienet problematika.
Filwaqt li għal ħafna, dik il-linja hi Novembru tal-2018, meta sar magħruf li Fenech kien is-sid tal-kumpanija 17 Black, għal Robert Abela dik il-linja hi sena wara, meta Fenech kien implikat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Li jfisser li l-mijiet ta’ messaġġi tul l-2019 bejn suspettat ewlieni ta’ korruzzjoni u tixħim u l-Ministru tal-Ġustizzja tiegħu, fi kliem Robert Abela, m’humiex problematiċi.
//= $special ?>