Rabja fost dawk li għandhom għal qalbhom l-annimali, partikolarment dawk li jħobbu lill-klieb, għall-mod kif kienu qed jiġu trattati l-klieb ta’ Andre Galea.
Dan wara li żewġ pitbulls ta’ Galea aggredew u qatlu lil nanntu Inez, ta’ 94 sena. Hi nstabet bla ħajja u f’għadira demm, flimkien mal-kelb żgħir tagħha, fir-residenza tal-anzjana fi Triq Antonio Sciortino fl-Imsida.
Fis-sigħat li għaddew, NET News żvela li fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew, diversi ġirien ta’ Andre għamlu rapporti lill-Pulizija għall-mod kif kienu qed jitrabbew dawn il-klieb, kif ukoll minħabba l-inbiħ u l-krib tagħhom.
Madankollu, NET News jinsab infurmat li Uffiċjali tal-Animal Welfare li kienu jmorru fid-dar kienu jirrappurtaw li ma kien hemm xejn ta’ moħqrija għall-klieb. Dan jistona mal-verità, hekk kif ritratti li qed jiċċirkolaw fuq il-mezzi soċjali juru fost l-oħrajn kelb partikolari maqful f’gaġġa u b’diversi daqqiet li jindikaw li l-kelb kien involut f’xi ġlied illegali tal-klieb.
Barra minhekk, fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, Andre jiddikjara li xogħolu hu li jgħammar lill-klieb, b’għadd kbir ta’ ritratti li juru diversi klieb pitbull. Fost dawn, hemm uħud mill-klieb b’widnejhom maqtugħa, f’indikazzjoni ċara li dawn il-klieb ikunu sfurzati jipparteċipaw fi ġlied illegali.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu lil NET News li fid-dar ta’ Andre nstabu mill-anqas 10 klieb kbar minbarra t-tnejn li aggredew u qatlu lil nanntu Inez. Barra minhekk, mhux eskluż li fid-dar sabu wkoll materjal relatat mat-teħid u t-traffikar tad-droga.
//= $special ?>