Lokali

“Robert Abela ma jistax jibqa’ ċass” – PN

L-aħbar fit-Times of Malta tal-lum, mhux miċħuda, li l-Ministru tiegħu għall-Ġustizzja fl-2019 kellu mijiet ta’ konversazzjonijiet mas-sid tal-kumpanja sigrieta 17 Black, li fl-2018 instab li kien il-moħħ wara tixħim ta’ uffiċjali pubbliċi tal-Gvern Laburista, jġib obbligu fuq Robert Abela li jiddeċiedi u jieħu passi konkreti.

Fi stqarrija l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi saħaq li huwa tal-istgħaġib li għal Robert Abela huwa normali u m’hemm xejn ħażin li jkollu Ministru li ma ra xejn ħażin min-naħa tiegħu li jibqa’ f’kuntatt, kważi kuljum, ma’ Yorgen Fenech fl-2019 meta kien diġa’ magħruf pubblikament mill-2018, li dan kien il-moħħ u s-sid ta’ kumpanija sigrieta li nqabad ixaħħam b’eluf ta’ ewro kuljum lil Konrad Mizzi u Keith Schembri, apparti li huwa l-kaġun ta’ telf t’għexieren ta’ miljuni ta’ ewro kull sena mit-taxxi tal-Maltin fi prezzijiet tal-enerġija ħafna ogħla minn kemm suppost huma.

Din ix-xibka ta’ korruzzjoni issa hija aktar gravi wara li proprju lbieraħ sar magħruf li kienu l-Maltin li ħallsu l-€40 miljun taxxa fuq il-fjuwil li suppost kellhom jitħallsu mill-Electrogas u dan għaliex Konrad Mizzi qabeż għal Electrogas minflok għall-Maltin.

Huwa għalhekk li l-messaġġi li skambjaw u l-komunikazzjoni li fl-2019 kellhom il-Ministru Zammit Lewis u s-sid tal-kumpanija 17 Black huma ta’ serjeta’ u jeħtieġ li Robert Abela ma jibqax ċass. Fl-aħjar ipoteżi juru nuqqas ta’ ġudizzju tajjeb minn Ministru tal-Gvern. Fl-agħar ipoteżi juru xi ħaġa ferm agħar.

Jason Azzopardi sostna li Robert Abela ma jistax jibqa’ ċass. Sakemm ma jridx li jispiċċa kompliċi iktar ‘il quddiem bis-skiet tiegħu.