Sport Waterpolo

San Ġiljan jibqgħu imbattibbli b’wirja oħra brillanti

Stewart Said

SAN ĠILJAN TUM INVEST……. 10

NEPTUNES………………………………. 6

(5-1), (1-3), (2-1), (2-1)

San Ġiljan ikkonfermaw lilhom infushom bħala l-favoriti għar-rebħ tal-kampjonat bi prestazzjoni oħra mill-aqwa, tlett ijiem biss wara li għelbu lil Sliema. Din il-logħba ftit kienet tfisser għall-fini ta’ klassifika minħabba li t-tnejn kienu aċċertati li għaddew direttament għas-semifinali tal-play-offs. Madankollu r-rebħa kienet tfisser minħabba l-moral tat-timijiet.

L-iskor ma jigdibx. San Ġiljan kienu aħjar mill-avversarji. Stevie Camilleri kien imrażżan tajjeb, il-gowlkiper Jake Tanti kellu partita mill-aqwa u kienu kapaċi jsofru ftit f’mumenti fejn sabuha diffiċli. L-uniku punt negattiv għalihom hu li skorjaw biss man-up minn tmienja.

Bidu b’saħħtu għal San Ġiljan li wara li Jeremy Abela wieġeb għal Dino Zammit, skorjaw erba’ gowls konsekuttivi u fetħu vantaġġ ta’ 5-1 li sa dak il-ħin kien komdu. Gowls sbieħ bil-mod tagħhom skorjati minn Matthew Zammit, doppjetta ta’ Ben Plumpton u Dino Zammit rispettivament.

Neptunes stenbħu mill-ħasda li kellhom fl-ewwel sessjoni u meritatament daħlu fil-logħba. Jake Muscat, Gabriel Pace u Jeremy Abela mis-centre f’man-up. Madankollu penalty ta’ Dino Zammit lejn tmiem it-tieni sessjoni ħalla lil San Ġiljan b’żewġ gowls vantaġġ.

Jake Muscat naqqas id-distakk għal 6-5 fil-bidu tat-tielet sessjoni iżda Neptunes naqsu li jġibu l-iskor indaqs. Matthew Zammit u Ben Plumpton ħadu l-opportunità u kabbru l-vantaġġ għal 8-5.

Mument importanti tal-logħba seħħ ftit anqas minn tliet minuti għal tmiem it-tielet sessjoni bi skor ta’ 7-5. Ir-referee Peter Balzan ordna penalty għal dak li ġġudika bħala fawl ta’ Paul Fava, bl-istess plejer jitkeċċa b’sostituzzjoni mir-referee fost protesti tal-Ġiljaniżi. Inkariga ruħu Stevie Camilleri li iżda kellu x-xutt salvat tajjeb minn Jake Tanti.

Neptunes ittantaw b’gowl ftit fortunat ta’ James Spiteri Staines iżda ma għarfux jieħdu vantaġġ minn żewġ okkażjonijiet ta’ man-ups. Kien Ben Plumpton li ssiġilla r-rebħa minuta u nofs mit-tmiem, b’Jake Bonavia jissiġilla r-rebħa.

San Ġiljan: J. Tanti, K. Tanti, A. Galea, D. Ciantar, M. Mannino, M. Zammit (2), B. Plumpton (4), J. Bonavia (1), Z. Micallef, Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit (3), G. Vassallo, M. Ortoleva

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (2), L. Calleja, G. Pace (1), S. Busuttil, J. Spiteri Staines (1), S. Camilleri, J. Camilleri, J. Abela (2), N. Zammit, S. Stellini, S. Gialanze, B. Busuttil, M. Castillo, M. Farrugia

Referees: Peter Balzan, Massimo Angileri

EXILES FERRETTI…………………. 12

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……… 11

(3-2), (4-1), (4-4), (1-4)

Exiles Ferretti temmew it-tieni fażi tal-kampjonat fir-raba’ post wara li kisbu rebħa diffiċli kontra Birżebbuġa Freeport. Dan ma jfissirx li r-rebħa ma kinitx meritata, bit-tim ta’ Birżebbuġa jwettaq ir-reazzjoni tard wisq.

It-tim ta’ Igor Vukanovic rebaħ l-ewwel sessjoni iżda kellhom jiksbu l-vantaġġ għal tliet darbiet permezz ta’ Aurelien Cousin, Kurt Griscti u Timmy Sullivan rispettivament.

Id-distakk kiber għal 7-2 fit-tieni sessjoni u sa dak il-ħin deher li ġejja rebħa faċli għal Exiles. Iżda Birżebbuġa kellhom ħsibijiet oħra u wara li Ben Grech skorja t-tielet gowl fit-tieni sessjoni, Simon Vassallo u David Cutajar naqqsu d-distakk għal 7-5 fl-ewwel parti tat-tielet sessjoni.

Exiles baqgħu jamministraw il-vantaġġ li kellhom u sa sitt minuti minn tmiem il-partita kellhom vantaġġ ta’ 12-8. Kienet hawn li bdiet rimonta oħra ta’ Birżebbuġa b’gowl ta’ David Pace Lupi u doppjetta ta’ Max Borg. B’distakk ta’ gowl, l-aħħar żewġ minuti kienu mimlija tensjoni, b’Exiles jirnexxilhom jiddefendu l-aħħar sekondi.

Exiles: G. Borg, J. Bajada (2), A. Magri, P. Paris, T. Sullivan (2), S. Xerri de Caro, K. Griscti (3), N. Paris (3), A. Cousin (2), S. Apap, D. Fenech, M. Castillo

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia (1), N. Cassar, D. Pace Lupi (1), C. Mifsud, P. Serracino, S. Vassallo (3), D. Cutajar (3), M. Bonnici, M. Borg (2), R. Spiteri, S. Fava, M. Sladden, B. Grech (1), Z. Bartolo

Referees: Ronnie Spiteri, Neville Mercieca

Logħob li jmiss

L-Ewwel Diviżjoni

Għada

Marsaxlokk v Otters      6.15pm

Valletta v Ta’ Xbiex       7.20pm

Kampjonat Premier

Il-Ħamis

Play-offs – Logħba Nru. 1

Sliema v Birżebbuġa      6.15pm

Exiles v Sirens                7.30pm