Internazzjonali

Stati Uniti: In-nirien ta’ Kalifornja jilħqu qilla ‘storika’….

In-nirien li qed jinfirxu madwar l-Istat ta’ Kalifornja koprew l-akbar ammont ta’ territorju li qatt spiċċa maħkum mill-hekk-imsejħa wildfires. Dan waqt li l-iskwadri għat-tifi tan-nirien qed ikomplu jikkumbattu l-fjammi f’diversi zoni.

Id-Dipartiment (ta’ Kalifornja) inkarigat mill-Foresti u Protezzjoni min-Nirien, intant, ikkonferma li n-nirien ħakmu f’territorju ta’ daqs akbar mill-Istat ta’ Delaware u meta Kalifornja, bħalissa, għaddejja minn mewġa ta’ sħana rekord,

Qed jingħad li wieħed min-nirien – imlaqqam El Dorado u li qed jaqbad f’San Bernardino County – kien ikkaġunat minn xi tagħmir pirotekniku waqt party.

Sadanittant, ‘il fuq minn 14,000 membru tal-iskwadri għal kontra n-nirien qed jippruvaw jikkontrollaw mal-24 nar fid-diversi bnadi tal-Istat ta’ Kalifornja.

L-akbar u l-aktar nar perikoluż – imlaqqam Creek Fire – qed jiddomina f’ammont sinifikanti ta’ territorju u l-awtoritajiet ammettew li dan qed jidher ferm ‘il bogħod milli jispiċċa taħt kontroll.

Il-Creek Fire ilu jimponi periklu kbir min-nhar il-Ġimgħa wara li qabad qalb il-Muntanji ta’ Sierra. Il-fjammi qerdu bejn 20 u 30 residenza fil-belt ta’ Big Creek u ‘il fuq minn 200 hiker kellhom ikunu salvati bil-mezzi tal-ajru wara li spiċċaw iżolati – b’kaġun tan-nirien – fis-sit tal-Mammoth Pool Reservoir.

Jerġa’ nar ieħor – il-Valley Fire – f’San Diego County ikkaġuna l-evakwazzjoni tar-residenti mill-belt remota ta’ Alpine waqt li nar imlaqqam ‘Bobcat’, li qabad fl-Angeles National Forest ukoll wassal għall-evakwazzjoni tan-nies mill-Mount Wilson Observatory.

L-awtoritajiet f’Kalifornja qed iwissu lill-pubbliku li n-nixfa u s-sħana kbira tal-istaġun huma ‘fatturi kritiċi’ għal din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza.

L-istess awtoritajiet appellaw biex in-nies joqgħodu attenti biex ma jagħmlu xejn li kapaċi tikkumplika l-kriżi, Dan fost twissija li n-nies li jikkaġunaw in-nirien ‘għandhom jinżammu finanzjarjament u kriminalment responsabbli’.

L-Istat ta’ Kalifornja ġarrab ‘il fuq minn 1,000 wildfire mill-15 ta’ Awwissu ‘il hawn – b’ħafna min-nirien ikunu dovuti għall-beraq.

Intant, in-nirien attwali rriżultaw f’dikjarazzjoni ta’ stat ta’ emerġenza għal ħames counties ta’ Kalifornja li huma Fresno, Madera, Mariposa, San Bernardino u San Diego.