Lokali

Tingħażel l-Avukat Ġenerali ġdid

Victoria Buttigieg hi l-Avukat Ġenerali ġdid. Hi se tieħu post l-Avukat Peter Grech li ħabbar ir-riżenja tiegħu iktar kmieni din is-sena. F’Diċembru li għadda, l-Avukat Buttigieg kienet l-ewwel Avukat tal-Istat wara is-separazzjoni fil-karigi.

L-Avukat Ġenerali baqa’ jieħu ħsieb il-Prosekuzzjonijiet kriminali filwaqt li l-Avukat tal-Istat jirrappreżenta lill-Gvern fi proċeduri ċivili.

Stqarrija tal-Gvern qalet li l-Avukat Ġenerali l-ġdid qed jinħatar wara sejħa pubblika u ntgħażel minn Kummissjoni ta’ Ħatra komposta minn tlett imħallfin irtirati. Il-Prim Ministru rċieva r-rakkomandazzjoni mill-istess Kummissjoni u filwaqt li ġiet aċċettata, il-Prim Ministru informa lill-President ta’ Malta biex issir il-ħatra.

L-Avukat Buttigieg, li għandha 43 sena, gradwat fil-Liġi mill-Università ta’ Malta fl-2001. Fl-2007, bdiet taħdem mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, fejn wara li kisbet l-esperjenza neċessarja, anke nħatret bħala Assistent Avukat Ġenerali. Hawn ħadmet f’għadd ta’ oqsma differenti fil-litigazzjoni, fosthom iċ-ċivil, l-amministrattiv, u l-liġi kostituzzjonali, fejn anke rrappreżentat lill-gvern f’għadd ta’ laqgħat u kumitati internazzjonali. Ikkontribwiet ukoll għal diversi proġetti ta’ riformi fil-liġi.