Internazzjonali

Turkija: Jeħel għomru l-ħabs għal massakru f’nightclub

Raġel mill-Uzbekistan se jiskonta ħabs għal għomru talli, fl-2017, kien wettaq attakk ġo nightclub ta’ Istanbul li sewa l-ħajja ta’ 39 persuna.

Abdulkadir Masharipov ingħata l-ekwivalenti ta’ 40 sentenza ta’ priġunerija għal għomru b’riżultat ta’ proċess li dam għaddej tliet snin dwar il-massakru – fi sbieħ l-Ewwel tas-Sena ( tal-2017) – li kien ixxokkja lid-dinja.

Fis-sigħat fatali, Masharipov kien fetaħ in-nar fuq kulmin inzerta quddiemu fin-nighclub esklussiv bl-isem Reina — bil-grupp terroristiku ISIS, wara, jassumi responsabbiltà għall-attakk.

Il-qorti Torka, fost oħrajn, ikkundannat lit-terrorista għal ‘att maħsub ta’ omiċidju’ u b’’abbuż tal-kostituzzjoni’. Is-sentenza mogħtija lil Masharipov, sadanittant, ma tistax tkun suġġetta għal appell, bl-imputat irid bilfors iqatta’ il-kumplament ta’ ħajtu ġo ċella ta’ ħabs.

Masharipov anki ngħata sentenza addizzjonali ta’ priġunerija għal 1,368 sena għall-attentat ta’ qtil fuq 79 persuna li kienu spiċċaw midruba fl-isptaratura tal-Ewwel ta’ Jannar tal-2017. Fl-istess ħin, l-aggressur kien ukoll ikkundannat talli ġarr arma tan-nar mingħajr liċenzja.

Raġel ieħor, Ilyas Mamasaripov, weħel sentenza ta’ aktar minn 1,400 ħabs talli kien għen fl-ippjanar tal-massakru f’Istanbul.