Lokali

Downgrade ieħor għal pajjiżna fis-servizzi finanzjarji – PN

L-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) tat ċamata oħra lill-pajjiżna u lir-reputazzjoni tiegħu, b’mod partikolari fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Dan jikkuntrasta mal-kliem fieragħ tal-Prim Ministru Laburista Robert Abela li jipprova jagħti l-impressjoni li pajjiżna biddel ir-rotta u li qed ipoġġi l-governanza bħala pilastru tal-ħidma tiegħu.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario De Marco, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej Kristy Debono u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech, stqarrew li f’rapport annwali ppubblikat mill-Forum Globali tal-istess OECD dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar it-Taxxa, Malta ġiet downgraded għal wieħed mill-iktar livelli baxxi fl-Unjoni Ewropea u fil-livell ta’ pajjiżi b’reputazzjonijiet mill-aktar dubjużi fit-tielet dinja.

Din id-deċiżjoni ma tawgurax tajjeb hekk kif Malta trid taffronta reviżjoni importanti mill-Kunsill tal-Ewropa permezz tal-Moneyval, wara li s-sena li għaddiet falliet minn eżami​ importanti fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus. Dan huwa r-riżultat ta’ politika li wasslet biex is-superviżjoni mill-awtoritajiet ikkonċernati tkun waħda fjakka u fil-ftit okkażjonijiet fejn informazzjoni dwar suspetti ta’ kriminalità finanzjarja għaddiet għand il-Pulizija, il-Korp naqas milli jieħu azzjoni.

Dan barra każijiet aktar rinomati fejn minkejja allegazzjonijiet serji ta’ atti kriminali mill-eks Ministru Konrad Mizzi u mill-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, dawn il-persuni baqgħu ma tpoġġewx taħt ebda att ta’ akkuża.