Lokali Qorti

Il-Pulizija ma ħadux azzjoni fuq parir tal-AĠ

L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li minkejja kollox għandu fiduċja sħiħa fl-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta, li minħabba li ma kellux evidenza biżżejjed ma nterrogax lil Keith Schembri fuq 17 Black u li minkejja dak li dak kollu li kienet tippubblika Daphne Caruana Galizia fuq il-blogg tagħha, l-Avukat Ġenerali njora dan kollu għax ħass li ma kienx hemm bażi soda.

Lawrence Cutajar qal li meta kien hemm hu Kummissarju tal-Pulizija jemmen li kien qed jinvestiga b’mod sew u għalhekk wieħed ma jistax jiddubbitah.

L-eks Kummissarju baqa’ jżomm ma’ dan il-punt, anke meta l-Imħallef Abigail Lofaro qaltlu dwar dak li ħareġ b’mod konkret fuq Valletta, li aġixxa mhux kif suppost u dak kollu li għamel ma’ Fenech, inkluż il-ħbiberija eċċessiva li kellu miegħu.

Il-Kummissarju li ma weġibx għal dak li qalet l-Imħallef għadda biex tkellem dwar jum partikolari. Qal li jiftakar li malli rċieva ċertu nformazzjoni, kien ċempel lil Silvio Valletta dwar il-każ. F’dan il-jum partikolari Valletta qallu li kien għadu kemm qata’ l-linja minn mal-Avukat Ġenerali.

Ix-xhud qal; “jiddispjaċini li rrid nixhed u ngħid dan. Valletta kien tkellem ma’ Peter Grech, eks Avukat Ġenerali u l-parir ta’ Grech lil Valletta kien li kull ma kellna f’idejna kien biss blog u l-ebda stqarrija uffiċjali, u li għalhekk ma’ kienx hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika rejd.

“Jien tlaqt minn fuq il-post u fit-triq niftakar li kien ċempilli Kurt Farrugia, dak iż-żmien Kap tal-Kommunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Kien infurmani li l-Avukati Pawlu Lia u Edward Gatt kienu ġejjin l-uffiċċju tiegħi biex jissottomettu lment kriminali minn Joseph Muscat,” qal Cutajar, li tenna li kienu bdew l-investigazzjoni abbażi ta’ dan l-ilment.

Ippressat mill-Bord, Cutajar qal li ‘ma stajnhiex immorru kontra l-pariri tal-Avukat Ġenerali”. Qal ukoll li abbażi tal-kitba fil-blog tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia huwa ma setgħax lanqas jagħlaq il-bank Pilatus u jarresta lil Ali Sadr Hasheminejad.

Dwar Ian Abdilla fuq l-FIAU, Cutajar qal ukoll li hu ma jistax jiddubitah. Dan għaliex meta kien jsiru l-laqgħat dwar l-FIAU, dak li kien jippreżenta fuq il-każ kien wieħed plawsibbli u li l-briefings tiegħu dejjem kienu tajbin.

Cutajar beda x-xhieda tiegħu fejn qal li meta ħa l-inkarigu kellem mill-ewwel lill-uffiċjali tal-Korp, Silvio Valletta u Ian Abdilla fost oħrajn u li hu ma tantx daħal fiha u lanqas kien kellem lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien fuq dan il-każ.

Dan qalu fid-dawl tal-mistoqsija tal-Prim Imħallef Emeritu dwar ‘l hekk imsejjħa Operation Green. Cutajar qal li malli beda jaħdem fl-irwol staqsa mill-ewwel lil Silvio Valletta u Ian Abdilla għal aġġornament fuq il-file.

Said Pullicino staqsa f’liema kuntest intalab isir dan l-aġġornament. Cutajar qal li l-Pulizija kellha tirċievi tliet rapporti qabel ma tipproċedi aktar. Hawn il-Bord qallu allura irqadtu fuq il-każ? Hux hekk? Cutajar qal li -investigaturi staqsew lill-Avukat Ġenerali għal parir u daqshekk. L-investigaturi talbu għal aktar informazzjoni minn barra.

L-eks Imħallef Mallia qallu allura domtu sena mingħajr ma tagħmlu xejn. Cutajar wieġeb li kienet qed tinġabar aktar evidenza. Hawn l-argument kien ukoll dwar il-Panama Papers

Cutajar qal li hu ma ddiskutiex il-każ tal-Panama Papers li kien jikkonċerna lil Konrad Mizzi, Keith Schembri u Egrant ma’ Joseph Muscat, li dak iż-żmien kien għadu Prim Ministru.

“Nista’ nitkellem biss għalijja nniffsi. Jien ma kontx qed immexxi l-investigazzjoni fuq il-każ. Ma tkellimtx mal-Prim Ministru,” qal Cutajar. Imma int kont il-Kummissarju, allura ma tafx x’kien qed jiġri?, staqsa il-Bord.

“Jien ħallejt f’idejn min kien qed jinvestiga u sadaniitant konna qed nistennew informazzjoni mill-banek.” kompla l-eks Kummissarju. Il-Prim Imħallef Emeritu Said Pulliccino staqsa lix-xhud jekk Mizzi u Schembri kinux interrogati. Cutajar qal insista li kien hemm bżonn l-evidenza għall-iżvelar, u kompla jgħid li kif xehed xahar ilu huwa jimxi biss fuq l-informazzjoni.

Said Pulliccino rrimarka li s-suċċessur tiegħu talab lil Muscat biex jidħol għal interrogazzjoni. L-Imħallef Mallia baqa’ mhux konvint u qal lix-xhud li din qed jarawha bħala skuża.

“Tattika ta’ dewmien biex ma jsirux l-investigazzjonijiet. F’pajjiżi oħra madwar id-dinja jsiru investigazzjonijiet u persuni rriżenjaw. U hawn?” staqsa Mallia. Jidher li qagħdtu sew fuq il-parir tal-Avukat Ġenerali biex l-affarijiet isiru bil-mod,” kompla l-ġudikant.

Hawn bdiet tistaqsi wkoll l-Imħallef Abigail Lofaro li staqsiet lill-eks Kummissarju x’għamel fuq il-bank Pilatus. L-Avukat Comodini Cachia qalet li l-bord ta’ inkjesta ra d-dokument Operation Green li seta’ jinqara f’inqas minn siegħa.

Meta kompla jiġi ppressat dwar jekk il-persuni involuti kinux interrogati. Cutajar qal li l-evidenza kienet għadha qed tinġabar. Il-Pulizija kienet qed tistenna dokuementi mill-banek.

Saħaq li din id-dokumentazzjoni hija l-evidenza li hemm bżonn. Qal li qabel ma wieħed jinterroga lil xi ħadd irid ikolu evidenza f’idejh b’rabta mal-allegazzjonijiet.

Il-Prim Imħallef Emeritu qal lill-eks Kummissarju tal-Pulizija li qabel ma xi ħadd iressaq lil xi ħadd il-Qorti jew jinterroga xhud u wieħed jista’ jinterroga lill-persuna suspettata. Staqsieh għaliex m’għamilx l-istess fil-każ ta’ Karl Cini u Brian Tonna minn Nexia BT.

Ma interrogax lil Karl Cini u Brian Tonna biex ma jippreġudikax il-każ

Cutajar qal li seta’ jippreġudika l-każ. Hawn l-Imħallef Lofaro staqsiet lix-xhud għaliex ma marx għas-servers ta’ Nexia BT. Bit-tweġiba tkun li kienet għadha qed tinħabar l-evidenza.

Il-Prim Imħallef Emeritus qal li l-istess argumenti japplikaw għal 17 Black fejn hawn kien hemm elementi allarmanti. Cutajar qal li r-rapport tal-FIAU dwar 17 Black kien imwassal minn Ian Abdilla nniffsu fis-27 ta’ Marzu tal-2017 u li l-investigazzjonijiet kienu bdew b’mod immedjat.

L-investigazzjonijiet dwar dan kienu qed isiru minn żewġ investigaturi li kienu Ray Aquilina u Antonvich Muscat. Kienu kkuntattjati banek fl-Olanda, l-Iżvizzera, UAE, iċ-Ċina u Singapore. Qal li kien hemm bank lokali ma riedx jikkopera.

Mistoqsi dwar jekk Yogen Fenech kienx mitkellem l-eks Kummissarju qal li fuq dan il-punt kien qed jixhed fuq 17 Black…qal li biex wieħed jaħdem irid l-evidenza f’idejh. Qal li sa fejn jaf hu l-investigazzjonijiet dwar 17 Black għadhom għaddejjin.

Kien jaf li Abdilla kien se jiltaqa’ ma’ Yorgen Fenech f’Portomaso

L-Avukat Comodini Cachia staqsiet lix-xhud jekk kienx infurmat li Abdilla kien se jmur Portomaso biex jitkellem mas-suspettat bi qtil Yorgen Fenech, dwar 17 Black.

Huwa wieġeb l-affermattiv u kkonferma li Abdilla ma għamilx laqgħa li kellha ssir ma’ Fenech wara li Valletta ċempel jgħid lil Abdilla li Yorgen kien qed iħossu ma jiflaħx. Qal li jiftakar biss li dan kien seħħ f’ġurnata li kienet il-Ħadd fl-2019.

L-Imħallef Lofaro staqsiet għaliex il-laqgħa ma’ Fenech ma ġietx skedata għal ġurnata oħra, b’Cutajar jgħid li dan seħħ peress li l-investigazzjoni ħadet xejra differenti.

Dwar il-ħbiberija li Silvio Valletta kellu ma’ Yorgen Fenech qal li ma kienx jaf. Sar biss jaf wara li nstemgħu r-recordings. Kompla jgħid li hu ma jridx jieħu l-mertu ta’ dan il-każ, imma waqt it-tmexxija tiegħu, n-nies tiegħu rnexxielhom isolvu każ ta’ karozza bomba, xi ħaġa li qatt ma ġrat f’Malta u tliet persuni tressqu xahrejn biss wara.

Kien ingħata parir biex Valletta jinżamm fl-investigazzjoni

Il-bord ikkummenta li Silvio Valletta tneħħa mill-każ wara li l-familja bdiet proċeduri kostituzzjonali. Ix-xhud qal li kienet l-Avukat Victoria Buttigieg, illum Avukat Ġenerali li kienet tat il-parir biex Valletta jinżamm fl-investigazzjoni minkejja tħassib dwar kunflitt ta’ interess.

Fuq aktar mistoqsijiet magħmlula mill-Bord , Cutajar qal li Schembri ma kienx interrogat dwar 17 Black. Qal ukoll li dan seħħ minħabba li kienu għadhom fi stadju fejn qed tinġabar l-evidenza.

Fuq mistoqsija tal-Prim Imħallef Emeritus Lawrence Cutajar qal li ma jemminx lil Silvio Valletta kien ittradieh, anzi jemmen li xogħolu kien għamlu sew.

Hawn il-Prim Imħallef Emeritu qal lix-xhud li l-problemi mingħajr dubju hija li kieku l-Pulizija ħadu azzjoni dwar 17 Black, forsi l-affarijiet illum huma differenti.

Din setgħet kienet bħala l-mottiv għall-assassinju, l-affarijiet setgħu eventwalment ġraw b’mod differenti. L-ewwel mottiv seta’ kien il-Panama Papers, it-tieni mottiv jidher li kien 17 Black.”

Cutajar reġa’ insista li huma bdew jinvestigaw b’mod immedjat. L-Imħallef Mallia qal li t-tħassib tal-Bord huwa li minkejja r-rapport tal-FIAU u d-dokumenti kollha fid-dominju pubbliku, xorta s-suspettat ma ġiex interrogat.

“Bir-rispett kollu, biex tinterroga lil xi ħadd irid ikollok l-evidenza kollha f’idejk,” sostna Cutajar. L-Imħallef Mallia hawn staqsa lix-xhud dwar jekk emails humiex evidenza. Hawn ix-xhud reġa’ qal li l-evidenza kienet għadha qed tinġabar.

Ix-xhud fuq dwar jekk investigax dak li kienet tgħid fuq dan is-suġġett fuq il-blog ta’ Daphne, l-eks Kummissarju qal li huwa għamel il-verifiki tiegħu fuq każijiet ta’ blogs u rriżultalu li mill-1999 qatt ma ttieħdet azzjoni fuq dak li jiġi rrappurat fuq media soċjali.

Il-Prim Imħallef Emeritu staqsa dwar x’għamlu l-Pulizija biex jiddeterminaw min kien is-sid ta’ MacBridge u Egrant. Cutajar qal li l-ħsieb li l-ewwel tinterroga persuna mbagħad tkompli tiġbor l-evidenza ma jagħmilx senx.

Skiet fuq il-konfiska tas-servers

“Inti trid l-evidenza, mhux l-intelliġenza. Jekk persuna ma tridx tikkopera mal-pulizija, ikollok l-evidenza,” qal Cutajar. “Stajtu kkonfiskajtu s-servers…” qalet l-Imħallef Lofaro. Ix-xhud hawn ma weġibx.

L-Avukat Therese Comodini Cachia staqsiet dwar ir-rapport tal-Pulizija li għamel il-Bank Pilatus dwar il-leaks. Cutajar qal li hu ma jafx u kellux idea li kien sar dan ir-rapport.

Dan ir-rapport kien jikkonċerna d-dokumenti li rċeviet Caruana Galizia. Qal li ma jiftakarx li kien hemm stqarrija mill-Bank Pilatus li tgħid li kien sar rapport mal-pulizija.

Meta kien ippressat kemm mill-Bord u anke mill-Avukati tal-familja Caruana Galizia, ix-xhud f’ħin minnhom qal, “ħadd ma jsemmi li r-rata ta’ kriminalità naqset meta jien kont kummissarju. Ħadd ma jsemmi kemm qbadna ċrieki tad-droga fi żmieni,” sostna Cutajar.

L-Avukat Jason Azzopardi beda sensiela ta’ mistoqsijiet fil-konfront tal-eks Kummissarju bl-ewwel mistoqsija tkun fuq il-ġurnata tal-karozza bomba, dwar jekk kienx konxju li kien hemm xi leaks mix-xena tad-delitt, xi wħud makabri, li kienu ċċirkolati fuq il-midja soċjali. Cutajar hawn wieġeb fl-affermattiv.

Qal li kienet inġibdet l-attenzjoni tiegħu u anke tal-Maġistrat. Tenna li ma kinux ittieħdu passi kontra persuni partikolari u li ħadd ma ġie identifikat. L-Avukat Azzopardi staqsa wkoll fuq ċertuRamon Mifsud, eks uffiċjal tal-Pulizija, li kien tella’ post dakinhar. Ix-xhud ikkonferma li huwa kien qal lill-midja li Mifsud kien qed jiġi investigat.

Ikkonferma wkoll mal-Avukat Azzopardi li sas-sena li għaddiet dan kien għadu fil-Korp tal-Pulizija. Qal ukoll li għall-kuntrarju tal-Forzi Armati, l-Pulizija huwa servjent pubbliku.

Qal li malli sar jaf dwar il-każ,kienet bdiet investigazzjoni. Bord ta’ inkjesta kien ġie stabbilit. Hu kien sospiż fuq il-post għax dak seta’ jsir. Kull darba li kien hemm smigħ, Mifsud kien jissottometti ċertifikat mediku.

Wara beda jirċievi nofs paga. Sa din is-sena kien qed jirċievi nofs paga. “Ma stajtx nagħmel aktar minn hekk,” qal Cutajar. L-Avukat Azzopardi staqsa fuq Awwissu tal-2015, li x-xhud kien infurmat aktar tard meta sar Kummissarju li Malta rrifjutat l-estradizzjoni ta’ ċittadin Indjan biex jaffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus?

Caruana Galizia kienet żvelat li Lati Modi kellu lil Schembri u lil Adrian Hillman bħala kuntatti tiegħu f’Malta. Modi kien inġabar minn xufier tal-OPM

Cutajar dwar dan qal li dak iż-żmien kien uffiċjal fl-immigrazzjoni, imma anke meta sar Kummissarju ħadd ma tagħni informazzjoni dwar dan. L-Avukat Azzopardi staqsa domanda oħra wkoll fuq il-ġurnata li nqatlet Caruana Galizia.

Staqsa li kien hemm diversi rapporti koordinati li ntużat il-kelma SEMTEX u li l-mottiv wara l-assassinju kien trafikar tal-fjuwil L-eks Brigadier Maurice Calleja kien qal li kien konvint li dan kien immanifatturat Malta. Dwar x’jaf fuq dan… Cutajar qal li ma jistax jifhem kif Calleja wasal għal din il-konklużjoni.

“Fil-bidu tal-investigazzjoni tibda tħares lejn is-sorsi, l-intelliġenza. Li nista’ ngħid huwa li l-investigazzjoni kienet 99% ibbażata fuq evidenza forensika. L-Avukat Azzopardi hawn staqsa li Cutajar li jumejn wara l-assassinju, hu flimkien ma’ Silvio Valletta indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet.

Wara dakinhar, Joseph Muscat kien qed jagħmel l-aġġornamenti kollha pubbliċi dwar il-każ. Il-PM kien jindirizza lill-midja dwar is-suġġett. Qal li l-investigazzjoni dwar il-każ kienu se jaslu fi tmiemhom fi ftit xhur. Fit-22 ta’ Novembru, Joseph Muscat għamel konferenza tal-aħbarijiet dwar dak li qal Melvin Theuma fl-interrogazzjonijiet.

Ma kienx mitlub jattendi konferenza tal-aħbarijiet

Mistoqsi għal darba oħra mill-Avukat Jason Azzopardi għaliex hu ma kienx preżenti u għaliex ma kienx indirizza hu, x-xhud qal li ma kienx mitlub imur għal din il-konferenza stampa, u li kieku kien il-każ kien ikun preżenti.

Hu u jirreferi għat-22 ta’ Novembru, l-Avukat Azzopardi staqsa minn fejn ġab l-informazzjoni tal-konferenza tal-aħbarijiet il-PM. Hawn ix-xhud qal li l-investigazzjoni kienet qed issir minn task force li kienet tinvolvi l-Avukat Ġenerali, is-Servizzi tas-Sigurtà, il-Europol u l-Maġistrat.

Qal li l-Prim Ministru kellu xi informazzjoni minħabba l-maħfra presidenzjali għal Melvin Theuma. Tenna li l-briefings tal-investigaturi kienu jsiru fil-preżenza tiegħu u tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukat Azzopardi tkellem fuq l-inkjesta Egrant fejn fil-konklużjonijiet tagħha, il-Maġistrat Bugeja rrakkomanda li Karl Cini jkunu investigat għal ksur ta’ ġurament.

Cutajar qal li Cini kien ġie interrogat fl-2018. Ikkonferma li kien interrogat mill-investigaturi tal-ECU u li ma ħarġu l-ebda akkużi fil-konfront tiegħu qabel Jannar tal-2019. Qal ukoll li Ian Abdilla qatt ma nfurmah jekk kienx hemm progress fuq il-każ ta’ Cini.

L-Azzopardi Azzopardi rrefera għal blogg minn April tal-2015 fejn Caruana Galizia allegat li Keith Schembri rċieva kickbacks mill-bjegħ tal-passaporti. kompla jgħid li ġimgħa wara, l-ġurnal Times of Malta ppubblika rapport jgħid li Cutajar u l-Avukat Ġenerali kienu infurmati dwar tranżazzjonijiet bankarji suspettużi u suspetti ta’ ħasil tal-flus.

L-Avukat Azzopardi staqsa x’wassal lill-eks Kummissarju biex jgħid li m’hemm l-ebda bażi għal investigazzjoni. Cutajar qal li dik l-istqarrija ħarġet qabel ma rċevew r-rapport tal-FIAU. Tenna li għandu disponibbli nota dwar Mejju tal-2016.

Dwar dak ix-xahar Azzopardi qal li kien hemm il-parir tal-AĠ dwar is-servers ta’ Nexia BT. Din f’Marzu tal-2017. Cutajar qal li hu ma jqumx filgħodu u jiddeċiedi li se jibgħat stqarrija, imma kien għamilha wara li tkellem mal-investigaturi.

Qal li x’aktarx sa dak iż-żmien ir-rapport tal-FIAU kien għadu ma wasalx. F’każi bħal dawn qal li huwa jikkonsulta mal-investigaturi. L-inkjesta pubblika tkompli nhar il-Ġimgħa li ġej bix-xhieda ta’ l-eks Ministru Louis Grech.

I-xhieda instemgħet bħas-soltu f’awla 20 quddiem il-Bord ta’ Inkjesta mmexxa mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, l-eks Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

L-inkjesta trid tistabilxxi jekk l-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia setax jiġi evitat minn naħa tal-awtoritajiet. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jirrappreżentaw il-familja tal-vittma.