Lokali

“Jekk naħdmu flimkien nistgħu nirnexxu” – Bernard Grech

“Jien ma naqta’ qalbi qatt. Għandi determinazzjoni kbira li flimkien nistgħu nirnexxu – m’għandix dubju li jekk naħdmu flimkien jirnexxilna.” – Dan kien il-messaġġ tal-Avukat Bernard Grech meta kien intervistat fuq Net FM.

Hu saħaq li  “Kollha kemm aħna nistgħu flimkien, inkunu konvinti li għandna sehem fil-partit, għaliex hekk biss nistgħu naħdmu biex kull individwu jkun l-aħjar verżjoni tiegħu nnifsu.

L-Avukat Grech qal li jrid tmexxija onesta u jrid li l-persuna tingħata d-dinjità li jixirqilha. Hu wiegħed li se jisma’ dak li qed jinkwieta lin-nies biex issir ħidma fejn verament titwettaq il-politka tan-nies. Hu stqarr li biex dan iseħħ, is-setturi tal-ekonomija, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-ambjent fost oħrajn, iridu jkunu b’saħħithom. “Irridu nkunu kontinwament attivi fejn nħabbtu l-ideat biex noħorgu l-aħjar ta’ kulhadd.” kompla jgħid Bernard Grech.

Mistoqsi dwar l-aħbarijiet riċenti dwar kont pendenti tat-taxxa, Bernard Grech ikkonferma li m’għandu ebda ċentezmu li mhux imħallas. Saħaq li għandu rċevuti u ċertifikati li juru dan. Hu stqarr li issa li wera interess fil-kariga ta’ Kap tal-PN jifhem illi jiġi għal skrutinju pubbliku. “Naqbel ma dan u naħseb li hija xi haġa essenzjali li joffri valur ta’ trasparenza.” sqtarr Bernard Grech.

Filwaqt li fehem ir-reazzjoni tan-nies u skuża ruħu, Grech qal li r-reazzjoni pubblika kkonfermatlu kemm hemm in-nies huma għatxana biex ikollhom politiċi onesti, kif għandhom dritt li jkollhom.

“Din l-esperjenza timlini b’fiduċja u b’kuraġġ. Qed nara li din is-socjetà hija waħda tajba, trid ġustizzja, is-sewwa u l-osservanza. Għandi tama li n-nies hemm barra ma jridux li kollox jgħaddi. Kellna l-impressjoni li għal ħafna politiċi kollox jgħaddi. Sewwa li ma naċċettawx il-kultura ta’ xejn m’hu xejn.”

Bernard Grech qal li dan taħ iċ-ċans jirrifletti u jara li n-nies għandhom ħtiega urġenti li jkun hemm PN ta min jafdah. “Min jislifni l-fiduċja jtini l-obbligu li nwettaq dmiri bl-aqwa mod possibli.” temm jgħid l-Avukat Grech.