Lokali Qorti

“Kien Muka li spara lill-vittmi meta kont għadni fil-karozza” – Viktor Dragomanski

“Kien l-Albaniż Muka li spara lill-vittrmi meta kont għadni fil-karozza. Smajt l-isparaturi meta kont qiegħed fil-Volkwagen Tiguan. Kienet operazzjoni li lanqas biss kont naf biha. Ma kontx naf fejn sejrin u x’kienu se jagħmlu t-tnejn l-oħra. Kienet operazzjoni mhux pjanata.

“Niftakar li kont qed nimxi bil-kelb Tas-Sliema u kien għaddej bil-karozza Muka u waqaf. Kien ma’ persuna oħra u qalli li għandhom biċċa xogħol li sejrin jagħmlu biex jaqilgħu xi ħaġa tal-flus, u ddeċidejt li mmur magħhom.”

Din kienet il-verżjoni li ta Viktor Dragomanski ta’ 36 sena mill-Maċedonja, wieħed mit-tliet suspettati fil-qtil ta’ Christian Pandolfino ta’ 58 sena u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski ta’ 30 sena, li nstabu f’għadira demm f’darhom stess fit-18 ta’ Awwissu li għadda f’Tas-Sliema.

Dragomanski qal dan lill-Ispettur James Grech meta nqabad mill-Pulizija f’lukanda fil-Gżira. L-Ispettur qal li l-Maċedonjan ma riedx assistenza ta’ avukat kif inqabad u qal li ried jgħid kollox.

Huwa qalilhom li kien l-akkużat l-ieħor Daniel Muka li kien qed isuq u s-susspettat l-ieħor id-Daniż Jesper Kristiansen, li waqfu ħdejh u qalulu li kienu se jmorru jaqilgħu xi ftit flus.

Dan it-tagħrif ingħata mill-istess Spettur James Grech meta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud bdiet il-kumpilazzjoni ta’ Victor Dragomawski li jinsab mixli bil-qtil doppju ta’ Pandolfino u Maciejowski.

L-Ispettur James Grech xehed li l-akkużat qallu li huwa qagħad fuq is-seat ta’ wara għax beda jibża’ bis-sitwazzjoni. L-akkużat qal lill-Ispettur Grech li meta raha lil Muka li f’idejh kellu pistola, qallu biex joqgħod attent u mhux jaqbad u jużaha.  

Ix-xhud qal li wara li kienu arrestaw lil Muka, l-għada daħlitlu nformazzjoni fuq Viktor Dragomanski li kien qed jogħqod tas-Sliema, u li din l-informazzjoni kienet li huwa kien jinsab fil-lukanda Blue Bay fil-Gżira.

Qal li marru fuq il-post u wara ftit taħbit l-akkużat ġie arrestat. Tenna li l-Ispettur Colin Sheldon kien eleva xi affarijiet mil-lukanda fosthom par ingwanti.

Mistoqsi dwar dan mill-Avukat tal-familja tal-vittma Pandolfino, Joe Giglio, l-Ispettur Grech qal li t-tliet suspettati kienu lebsin l-ingwanti dak inhar tal-omiċidju.  

Minn naħa tiegħu l-Avukat Joe Brincat li qed jidher għall-akkużat staqsa lill-Ispettur Grech jekk l-ingwanti setgħux kienu ta’ mara. L-Ispettur Grech qal li jista’ jkun peress li meta Dragomanski nqabad fil-lukanda kien fil-kumpanija ta’ mara.

Ix-xhud kompla jispjega li mill-istqarrijiet li ta l-akkużat qal li fil-ġurnata tad-delitt huwa kien qed jimxi bil-kelb tas-Sliema, waqaf Muka mad-Daniż, u qalulu li hemm biċċa xogħol u li  minnha setgħu jaqilgħu l-flus.

Qal li mar magħhom iżda qabel ħa l-kelb id-dar. Tenna li ma kellhom l-ebda pjan u bdew iduru ma’ blokk f’Tas-Sliema, u dak il-ħin ma kienx jaf x’kien il-pjan. Qal mal-Pulizija li kienu fejn Locker Street.

Qal lil Muka u d-Daniż daħlu ġewwa u sema’ t-tiri sparati waqt li kien fil-karozza jistenna.  Ftit tal-ħin wara Kristiansen mar ħdejh fejn il-karozza u qallu biex imur miegħu,

Huwa mar u kif daħal fir-residenza raha l-ewwel vittma. Huwa qal lill-Ispettur Grech li Muka ma kienx hemm, raha wkoll it-tieni persuna bid-demm ħiereġ, u Muka kien fuq fil-kamra tas-sodda.

Muka  ħareġ u qallu biex immorru ‘l hemm, u qallu wkoll, ‘lest aħna’ u wara telqu u marru bil-karozza għall-parkeġġ fejn l-akkużat qal li hu kien li għen lil Muka biex jibdel in-numri ta’ reġistrazzjoni. Qal li wara li mxew, qabdu taxi li ħadithom tas-Sliema.

L-Ispettur James Grech qal li mis-CCTV’s u mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija huwa minnu li kien Daniel Muka u  Jesper Kristiansen li daħlu l-ewwel fir-residenza.

Mistoqsi mill-Avukat Joe Giglio dwar kif l-akkużat jaf lil Muka u lil Kristiansen, ix-xhud qal li l-akkużat qallu li jafhom peress li huwa bħad-Daniż jaħdem bħala Security ġewwa Paceville filwaqt li Muka ta’ spiss kienu imur Paceville u kien jarah hemm.

Mistoqsi mill-Avukat Joe Giglio kien x’aktarx Muka li ċempel il-bieb ta’ barra qabel ma nfetaħ il-bieb u li dan ingħalaq mill-ewwel u kellhom jillevawh.

Fuq mistoqsija oħra tal-istess Avukat li staqsa għal min ikunu qed jirreferu il-Pulizija meta jitkellu dwar persuna ‘chubby’, l-Ispettur Grech qal li ċ-“chubby’ huwa d-Daniż, li bħalissa qiegħed jgħaddi proċeduri fi Spanja biex jiġi estradit lejn Malta, wara li kien ħarab permezz ta’ titjira u lejn Barcelona u spiċċa Cadiz.  

Grech xehed ukoll li l-karozza Volkwagen Tiguan li nstabet fil-parkeġġ fi Triq l-Ursolini viċin l-isptar San Luqa kien hemm fiha oġġetti bħal ingwanti, imitazzjoni ta’ armi u anke ‘number plate’s misruqa fil-luggage booth. Instab ukoll handbag u parokka.

Kif xehed fil-kumpilazzjoni ta’ Muka, l-Ispettur James Grech qal li kien s-CCTV’s lgħabu parti mportanti biex jiġi solvut il-każ. Qal li dawn ittieħdu minn ħafna postijiet fosthom minn Gwardmangia Hill.

CCTV urew li wkoll li tliet persuni waqfu fejn Bus Stop . Wieħed mix-CCTV kien tal-ispiżerija Browns, fi triq Marina Sreet, Pieta’. It-tliet ntlemħu mexjin, wieħed li kien Muka jixrob.

James Grech ta rakkont dettaljat ta’ kif seħħew l-affarijiet fejn tliet persuni deheru deħlin fir-residenza tal-vittmi.  Għenu wkoll fl-investigazzjoni l-lokaliżazzjoni tal-mobajls.

Dawn urew li flimkien ma’ żewġ persuni oħra kienu fi Triq Locker fejn sar id-delitt u anke deheru jaħarabu minn fuq il-post u mid-diversi toroq li għaddew sakemm ħallew il-karozza f’parkeġġ li jiġi taħt l-isptar San Luqa.

Żewġ ġirien ukoll infurmaw lill-Pulizija li raw tliet persuni deħlin u ħerġin mir-residenza ta’ Pandolfino fejn seħħ id-delitt u wara fi spazju qasir ħarbu minn fuq il-post. Il-Pulizija rċeviet ukoll informazzjoni li persuna twila, li rriżulta li kien Muka kienet qed toqgħod f’post abbandunnat fil-Floriana.

L-Ispettur James Grech beda bix-xhieda tiegħu billi qal li fit-18 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-10.30pm. kien infurmat mill-control room tal-Pulizija li kien seħħ inċident ta-Sliema li dan kien jikkonsisti fi sparaturi fi Triq Locker tas-Sliema.

Huwa kien infirmat li tliet persuni kienu ħarbu fuq il-post wara li kienu sparati xi tiri. Ix-xhud tenna li kien infurmat bl-isparaturi u li t- tliet irġiel kienu daħlu fir-residenza bejn l-10.19pm u l-10.23pm u  ħarbu n’karozza Volkswagen bajda.

L-Ispettur Grech qal ukoll li kienu appuntati espert tal-armi tan-nar u espert sabiex dwar l-filmati tas-CCTV u l-mobajls. Għal dawn tal-aħħar kien appuntat l-espert Martin Bajada fejn irriżulta li Pandolfino deher jasal lura d-dar minn barra fl-10.10pm u dan f’jum id-delitt li seħħ fit-18 ta’ Awwissu li għadda.

Fl-10.13pm deheret ipparkjata l-karozza użata mit-tliet suspettati ftit metri ‘l bogħod mid-dar. Deher raġel twil u ieħor qasir u imbaċċaħ jidħlu fir-residenza. Ir-raġel qasir, li kien liebes qalziet bl-istrixxi u maskra fuq wiċċu, deher jidħol fil-karozza u jerġa’ jirritorna fid-dar mat-tielet persuna. Qal li ħarġu fi temp ta’ erba’ minuti minn mindu waslu.

Qal li l-pjanċi nsterqu fit-3 ta’ Awwissu tal-2020. Fil-fatt l-Ispettur ippreżenta rapport ta’ serq ta’ pjanċi tal-karozza misruqa. Tenna li jista’ jkun li s-suspettati għamlu użu ta’ karozza oħra misruqa, bil-pjanċi misruqa wkoll u għax dawn dehru fuq filmati tas-CCTV fl-14 ta’ Awwissu tal-2020.

L-akkużat Dragomanski qed jiġi mixli bil-qtil ta’ żewġt irġiel f’Tas-Sliema fit-18 ta’ Awwissu se tibda tinstema’ nhar il-Ħamis li ġej. Muka jinsab mixli li flimkien ma’ persuni oħra qatel lil Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski u li seraq b’aktar minn €2,300 f’ġojjelli u oġġetti oħrajn mill-istess residenza.

Flimkien mal-Ispettur James Grech hemm ukoll l-Ispettur Colin Sheldon li qed jinvestiga dan il-każ.   F’dan il-każ -Ispetturi James Grech u Colin Sheldon qed imexxu l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Joe Brincat qed jidher għal Dragomanski.

L-Avukati Joseph Giglio u Roberta Bonello qegħdin jidhru bħala parte civile. Il-kumpilazzjoni se tkompli fit-25 ta’ Settembru li ġej.