Internazzjonali

“Kien tassew kuraġġuż” – omm Maltija dwar binha li miet waħdu fi sptar Awstraljan

Hu miet waħdu 'l bogħod mill-qraba minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID.

“Kien l-aqwa tifel li wieħed jista’ jkollu. Kien maħbub minn ħafna. Kien kuraġġuż. Ma kienx ġust. Nixtieq li stajt kellimtu tal-aħħar.”

Storja ta’ qsim il-qalb; kliem ħerġin mill-fomm ta’ omm imbikkem…. omm ta’ dixxendenza Maltija li l-ġimgħa li għaddiet tilfet lil binha Ben Stylo, illi miet fi sptar f’Melbourne imdawwar biss bil-magni, ‘il bogħod mill-qraba u ħbieb tiegħu.

Ommu, Rose Cassar esprimiet magħna x’weġa’ ta’ qalb tesperjenza omm li ma tħallitx tkun biswit binha meta jkun qiegħed jieħu l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu.

“Ċempilna kemm il-darba matul il-ġurnata,” stqarret magħna Rose. “Saħansitra missieru ċempel iżda ħadd ma beda jwieġeb. Xtaqna li tal-anqas nagħmlu video call miegħu mill-Isptar biex nitkelmu miegħu u naraw x’qed jiġri eżatt iżda ħadd ma beda jwieġeb it-telefonati tagħna.”

U meta t-telefonati kontinwi tagħhom bdew jiġu injorati, hemmhekk fejn irrealizzat li lil binha tilfitu għal dejjem u mhux ser jkollha ċ-ċans tarah darba tal-aħħar. It-tabib tiegħu kien ċemplilhom darba li binhom kien qaleb għall-agħar.

“F’dak il-mument irrealizzajt li lill-ibni ma kontx se narah iżjed,” qalet Rose. “Ma kelnix sapport mill-isptar u ma rajnihx iżjed.”

U minflok żamm id ommu spiċċa iżomm id it-tabib tiegħu u mdawwar bil-barranin fil-mument li fih kien qed imut.

“Hu talab lit-tabib biex iżommlu idu,” qalet Rose. “Dawk l-idejn misshom kienu idejna. Aħna misna konna qed inżommu lil bina.”

Din is-sitwazzjoni spiċċajt ħalliet lil Rose tbati minn sitwazzjoni xejn sabiha ta’ sahha mentali… għaliex ma setgħetx taċċetta li binha miet u hi ma kelliex ic-cans tkelmu ghall-ahhar darba.

“Ma flaħtx,” qalet Rose. “Litteralment ma flaħtx iktar. Mingħajr ebda sapport mill-isptar, ma stajtx immur ħdejh, ma stajtx inkelmu, ma stajtx narah.”

Ben kellu 28 sena, u l-kundizzjoni li kellu fis-sistema tal-immunità taffetwa biss hames persuni fid-dinja kollha. Hu kien ilu jbati minn din il-kundizzjoni għal sentejn sħaħ.

It-tifel Malti-Awstraljan kien maħbub minn ħafna u kien jipprova jgħin lil dawk kollha li jkunu fil-bżonn.

“Kien persuna ta’ qalb kbira,” kompliet tgħid Rose. “Kellu kafetterija u kien jiġbor id-donazzjonijiet biex jgħatihom lill-karità.”

Sħabu kienu jħobbuh ħafna, b’ommu tiddeskrivih bħala persuna li kien imiss il-qlub.

“Miss il-qalb ta’ kull min iltaqa’ miegħu,” qalet Rose. Kulħadd kien iħobbu u kien jiġbed lil kulħadd lejh. Kien rispettat minn ħafna, kien ġentili, kien persuna ta’ qalb kbira.”

Wara din l-esperjenza, Rose Cassar bdiet petizzjoni online biex persuni oħra ma jiġu mċaħda milli jkunu ħdejn qraba tagħhom fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom meta d-dinja qed tiġġieled il-COVID-19.