Lokali Qorti

Protest minn 154 inġiniera gradwati kontra l-awtoritajiet wara li ma nħarġulhomx il-warrants

Grupp ta’ 154 inġiniera gradwati mill-MCAST ippreżentaw protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Gvern wara li qegħdin jgħidu li ġew imċaħħda mill-jippratikaw is-sengħa tagħhom peress li baqgħu ma ngħatawx il-warrant.

Clint Caruana, Andrew Galea, Ryan Schembri, Brandon Spiteri u Kurt Spiteri ippreżentaw il-Protest kontra il-Bord tal-Professjoni tal-Inġiniera, l-Ministri Ian Borg u Owen Bonnici, l-MCAST u l-Avukat tal-Istat.

L-Avukat tagħhom Robert Galea qed jargumenta li l-istudenti qagħdu għall-kors tal-Inġinerija ġewwa l-MCAST bit-tir bħal kull min jagħmel dan li wara li jtemmu b’suċċess l-istudji tagħhom, huma għandhom ikunu eliġibbli biex japplikaw għall-warrant biex jipprattikaw il-professjoni f’Malta.

Madankollu wara li dawn il-154 persuna temmew il-kors tagħhom b’suċċess u kisbu wkoll il-kwalifiki meħtieġa, huma qalu li qegħdin isibu ħafna ostakoli biex jingħataw dak li huwa dritt tagħhom, il-warrant. Dan kollu minkejja li għadda perjodu konsiderevoli ta’ żmien fejn huma baqgħu jinsistu fuq dan.

Minkejja l-isforzi tagħhom, il-ħames persuna, li ressqu l-każ il-Qorti bħala repreżentata tal-kumplament tal-istudenti l-oħra, qalu li r-risposti minn naħa tal-awtoritajiet qegħdin ikunu evażivi għall-aħħar fuq għaliex mhux qegħdin jinħarġulhom il-warrants.

Dan kollu minkejja li wieħed minnhom kellu saħansitra l-applikazzjoni aċċettata u proċessata u sa anke ġie mistieden jattendi għall-intervista. Wara l-imsemmija intervista, huwa ġie nfurmat li mhux se jieħu l-warrant għax m’għandux il-kwalifiki meħtieġa.

L-Avukat Galea argumenta li din kienet konklużjoni kontradittorja, għax li kienu l-applikant ma kellux il-kwalifiki neċċessarji, dan kien ikun magħruf fi stadju aktar kmienu tal-proċess u mhux wara li bagħtu għalih għall-intervista.

Il-liġi tgħid li l-warrant tal-inġiniera ma jingħatawx esklussivament lil gradwati mill-Università, iżda li kwalifiki ekwivalenti minn istituzzjonijiet oħra akkademiċi huma tal-istess portata, dik ta’ livell MQF 6. L-Avukat talab biex jiġu proċessati l-warrants, u wissa li fin-nuqqas se jittieħdu passi oltrè skont il-liġi u li l-aworitajiet jinżammu responsabbli għad-danni.