Lokali

Robert Abela jiddefendi lill-Ministru tal-Ġustizzja

Xejn anqas minn 700 messaġġ f’sensiela ta’ konversazzjonijiet bejn l-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech u l-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis.

Affaċjat b’dan, il-Prim Ministru Robert Abela tefa’ dubju fuq l-eżistenza ta’ dawn il-messaġġi. Għalkemm fl-ebda ħin ma ċaħad jew irribatta l-istorja li ħarġet it-Times.

L-aħbar ta’ messaġġi bejn Yorgen Fenech u l-Ministru tal-Ġustizzja kienet żvelata mill-ġurnal Times of Malta. Is-700 mitt messaġġ bejniethom jiffurmaw parti minn data li mistennija tkun żvelata fil-Qorti fil-ġranet li ġejjin. Minkejja dan, Robert Abela baqa’ jiddefendi lill-Ministru tiegħu billi jitfa’ dubju fuq l-eżistenza ta’ dak li ġie żvelat.

Mistoqsi dwar dawn il-messaġġi bejn Yorgen Fenech u Edward Zammit Lewis, anke id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għażel li jiddefendi lil Zammit Lewis. Dan filwaqt li s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis tagħna l-istes tweġiba li issa ilha s-snin tiġi ripetuta mill-esponenti tal-Gvern.

Intant, propju dwar dawn il-messaġġi li għaddew fuq Whatsapp bejn Fenech u Zammit Lewis, l-avukati tan-negozjant talbu lill-Pulizija tinvestiga kif seħħet din il-leak ta’ informazzjoni, illi waslet għand it-Times. Il-kwistjoni tqajjmet fil-Qorti, bil-familja ta’ Yorgen Fenech titlob lill-Kummissarju Angelo Gafa’ jiftaħ investigazzjoni kriminali fuq il-mod kif ħargu dawn il-messaġġi.