Sfreġju sħiħ. Tal-biza l-iskejjel. M’hemmx post għall-istudenti. Biex iġorru il-cupboards sejrin is-suldati. Qisu sar terrremot!
Hekk ġiet deskritta s-sitwazzjoni preżenti fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex minn diversi għalliema, wara deċiżjoni li ttieħdet mill-Ministeru ta’ Owen Bonnici.
Kienet l-MUT illi canfret dak li qed isir bħalissa fl-iskejjel fejn ikkundannat l-isfreġju li sar minn persuni mqabbda mill-Ministeru biex ibattlu l-klassijiet.
Jidher li dan ix-xogħol qed isir biex jinħoloq spazju fl-iskejjel ta’ pajjiżna. Dan għaliex m’hemmx spazju għall- istudenti li mistennija jidħlu għal sena skolastika ġdida sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, b’miżuri ġodda minħabba l-COVID-19.
Ix-xogħol ta’ tbattil li qed iwettaq il-Ministeru ħalla ħsarat estensivi hekk kif fi stqarrija l-union tal-għalliema saħqet li għandha evidenza ta’ ħsarat kbar li saru lir-riżorsi li jintużaw mill-edukaturi kif ukoll lill-għamara li kienet tintuża fil-klassijiet.
Fi spjegazzjoni għal dak li qed jiġri l-Union tal-Għalliema qalet li ħaddiema daru l-iskejjel matul is-sigħat li għaddew u ġarrew kull ma sabu fil-klassijiet u poġġewhom fi kmamar oħra fl-istess skejjel, fi spazji oħra jew inkella f’postijiet mhux magħrufa barra l-iskola.
Il-Union stqarret li dan ifisser li ħafna edukaturi issa m’għandhomx aċċess għar-riżorsi li kienu jużaw fit-tagħlim filwaqt li hu fatt magħruf li kien hemm diversi ħsarat. Filfatt, l-MUT issa qed tistenna li l-Ministeru jerfa’ r-responsabbiltà għal dan l-isfreġju, jintervjeni kif meħtieġ, jagħmel tajjeb għat-telf ta’ dawn ir-riżorsi u jwaqqaf b’mod immedjat dan l-aġir.
Intant, fi stqarrija separata, l-MUT tat ultimatum lill-Ministru Owen Bonnici biex jippubblika l-protokolli marbuta mal-COVID-19 tal-istituzzjonijiet tal-Kindergarten u tal-Post-Sekondarja. Il-Union qalet li n-nuqqas ta’ dawn il-protokolli jfisser li l-edukaturi ma jistgħux jippreparaw ….u dan qed iħalli l-iskejjel u l-edukaturi bla saħħa, f’sitwazzjoni li diga’ hi stressanti. L-MUT qed tistenna l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-protokolli sa nhar il-Ġimgħa.
//= $special ?>