Lokali

Tinstab statwa tal-Madonna tal-Karmnu qalb it-terrapien

Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili ppreżenta lill-Qorti statwa żgħira li tawh waqt il-ħidma ta’ salvataġġ meta ġġarrfet id-dar li ftit aktar minn sitt xhur ilu qatlet lil Miriam Pace.

L-istatwa hija tal-Madonna tal-Karmnu bil-Maġistrat Mifsud jordna li l-istatwa tingħata lil Carmel Pace, l-armel ta’ Miriam. Dan seħħ dalgħodu, fil-Qorti meta tkompliet l-kumpilazzjoni fil-każ tal-mewt ta’ Miriam Pace.

Fil-fatt L-ewwel xhud tal-lum kien id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila. Huwa stqarr li fit-2 ta’ Marzu waqt li kien qiegħed jattendi laqgħa importanti, daħallu messaġġ li kien waqa’ ħajt u li jista’ jkun li hemm in-nies maqbuda.

Huwa stqarr li telaq mill-laqgħa u mar fuq il-post fejn ta ordni sabiex jingħalqu 3 toroq minħabba li dan kien inċident maġġuri. Huwa stqarr kif il-ħidma bdiet billi l-ewwel ġie lokalizzat il-mowbajl tal-vittma.. ittieħdu xi snapshots bid-drone sabiex ikunu jistgħu jindikaw xi perikli li għad fadal.

Permezz ta’ użu ta’ kelb, ġie llokalizzat il-ġisem tal-vittma. Emanuel Psaila kompla jgħid li minnufih bdew jitneħħew il-biċċiet tal-konkos il-kbar permezz ta’ crane kbir u saret tfittxija fil-kmamar li ma’ kienux waqgħu sabiex jiġi żgurat li ma’ kien hemm aktar persuna ġol-binja.

Wara li tneħħew il-biċċiet il-kbar, bdiet ħidma mill-membri tal-protezzjoni ċivili sabiex jitneħħew biċċiet żgħar bl-idejn. Huwa temm ix-xhieda tiegħu billi stqarr kif għall-ħabta tal-10 qalulu li jistajkun li nstabet persuna u li imbagħad eventwalment instab il-katavru ta’ Miriam Pace.

Xehed ukoll Peter Paul Coleiro, id-Deputat Direttur tal-Protezzjoni Ċivili. Huwa stqarr li waqt li kien qiegħed f’laqgħa, għall-ħabta tas-14.30 irċieva telefonata li waqgħet binja u li jistajkun li hemm xi persuni maqbuda ġewwa.

Stqarr li marru minnufih fuq il-post sabiex tibda tfittxija għall-Miriam Pace minħabba li ġew mgħarrfa li hi biss kien hemm fuq il-post u li jista jkun li tinsab maqbuda hemm.

Huwa kompla jgħid kif waqt li kienu qed jitneħħew xi affarijiet mit-tifrik, instab il-mowbajl tal-vittma li tahom aktar indikazzjoni ta’ fejn tista’ tinstab Miriam Pace. Wara li tneħħew aktar affarijiet, instabet Miriam PAce li ġiet iċċertifikata mejta minn tabib li kien fuq il-post.

Xehed ukoll Anthony Pisani  li huwa Operational Manager fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Huwa fiehem kif sar ix-xogħol fuq il-post tal-inċident u kif pruvaw iċemplu fuq il-mowbajl tal-vittma li beda jdoqq u li beda jinstema.

Hu stqarr li minħabba li daqq, kellhom ħjiel ta’ fejn tista’ tinsab il-vittma għalhekk bdiet tfittxija lejn dawk in-naħat fejn finalment instabet il-vittma.

Fil-Qorti, Anthony Pisani ppreżenta statwa tal-Madonna tal-Karmu li ġie mgħoti waqt li kien għaddej ix-xogħol ta’ salvataġġ li ngħatat lill-familjari tal-Vittma li kienu preżenti.

Xehed ukoll il-Perit Graham Attard, li jaħdem mal-Protezzjoni Ċivili. Huwa stqarr li wara rapport ta’ risk assessment li sar, ħareġ li kien hemm mara kif ukoll it-tifel tagħha maqbuda.

Huwa ta spjegazzjoni ta’ kif saret il-ħidma dakinhar tal-inċident. Xehed ukoll it-tabib Jonathan Joslin mid-Dipartiment tal-Emerġenza li stqarr li dakinhar l-isptar ġie mgħarraf li kien seħħ inċident u li jistajkun hemm nies maqbudin. Huwa daħal ġos-sit tal-kostruzzjoni fejn ġie kkonfermat li hemm persuna maqbuda. Huwa stqarr li għall-10.30, il-vittma ġiet ċċertifikata mejta.

Xehed ukoll it-tabib Michael Spiteri li huwa stazzjonat fid-Dipartiment tal-Emerġenza fejn stqarr d-Dipartiment tal-Emeġenza ġie mgħarraf li ġġarraf xi bini u li hemm xi nies li jistgħu ikunu midruba.

Huwa qal li hu u t-tim tiegħu kienu stand-by f’każ li jkun hemm persuni illi jkunu midruba. Qal ukoll li kien għall-ħabta tal-10.00 ta’ filgħaxija li instabu traċċi ta’ demm li kienu tal-vittma.

L-aħħar persuna li telgħet tixhed kien l-Ispettur Matthew Galea. Galea ippreżenta lill-Qorti 4 stqarrijiet – 2 tal-Perit Martin Camilleri u 2 ta’ Anthony Mangion. Dawn l-istqarrijiet huma l-oriġinali ta’ dawk il-kopji li kienu ppreżentati fl-aħħar seduta.

F’dan il-każ qed jiġu akkużati l-Perit Anthony Mangion ta’ 72 sena mill-Gżira, l-Perit Roderick Camilleri ta’ 36 sena mir-Rabat, il-Kuntrattur Ludwig Dimech ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ u l-ħaddiem Nicholas Spiteri ta’ 42 sena mill-Imqabba. Qegħdin jiġu akkużati li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkawżaw il-mewt ta’ Miriam Pace.

L-erba’ rġiel qegħdin iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom bil-kuntrattur Dimech qed jiġi mixli wkoll li sar reċediv. Meta tressqu l-Qorti huma kienu ngħataw il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €7,500.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Robert Vella u Matthew Galea. L-erba’ akkużati qegħdin jiġu mixlija wkoll li fil-jum tal-inċident u qabel bi traskuraġni, u b’nuqqas ta’ ħila fil-professjoni tagħhom għarrqu diversi propjetajiet fil-madwar.

Iż-żewġ Periti u ż-żewġ akkużati l-oħra qed jiġu mixlijin ukoll li biex jiksbu xi benefiċċju jew vantaġġ għalihom għamlu dikjarazzjoni falza. Il-Perit Mangion qed jiġi mixli wkoll li fil-jum tal-inċident u fix-xhur ta’ qabel naqas li jkun preżenti fuq is-sit ta’ kostruzzjoni msemmi kull meta kienu qegħdin jittieħdu d-deċiżjonijiet li jaffettwaw ir-riskju ta’ ħsara lill-propjetà ta’ terzi persuni.

L-irġiel qed jiġu akkużati wkoll li kkaġunaw ħsara fil-propjetà tal-istess vittma u żewġha, kif ukoll f’dawk ta’ David Zerafa, Rosaria Zerafa, John Sammut, Grace Sammut, Joseph Sammut u l-kumpanija Edu Centre Limited.

Il-Perit Camilleri għandu jiddefendih lill-Avukat Arthur Azzopardi, l-Perit Mangion lill-Avukat Alfred Abela, l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Spiteri filwaqt li Dimech għandu jiddeffenduh lil Roberto Montalto, Michael Scirha u Franco Galea. L-Avukati Joe Giglio u David Bonello huma l-Avukati għan naħa tal-allegati vittmi. Il-kumpilazzjoni ġiet aġġornata għal għada l-Ħamis fid-09.00