Coronavirus Lokali

Coronavirus: 42 każ pożittiv ġdid f’Malta

Fl-aħħar 24 siegħa irriżultaw 42 każ pożittiv ġdid ta’ Coronavirus f’pajjiżna. B’hekk, it-total ta’ każi mis-7 ta’ Marzu ‘l hawn issa tela’ għal 2,378. Dawn jinkludu każi ta’ immigranti, li fuq proposta tal-Gvern, m’għadhomx jingħaddu maċ-ċifri uffiċjali mxandra mill-Ministeru tas-Saħħa.

Barra minhekk, fiequ 43 persuna oħra. Il-Ministeru spjega wkoll li fl-aħħar 24 siegħa saru 1,957 swab test, ħafna anqas meta wieħed iqabbel mal-medja ta’ 3,000 test li kienu qed isiru fl-aħħar jiem.

Sadanittant, il-Ministeru tas-Saħħa ta dettalji dwar il-każi mħabbra lbieraħ. Minn dawn, 10 rriżultaw f’residenzi tal-anzjani, 18 minn kumpanija tal-kostruzzjoni, tnejn impurtati, ħamsa qraba ta’ każi li diġà kienu magħrufa, tlieta minn kollegi u wieħed b’kuntatt dirett minn persuna oħra li diġà kienet irriżultat pożittiv.