Coronavirus Lokali Saħħa Turiżmu

FILMAT: “L-impatt ħa narawh matul ix-xhur tax-xitwa”

“Iċ-ċirkostanzi għadhom diffiċli, u issa rridu naraw l-impatt matul ix-xhur tax-xitwa.”

Hekk sostna Matthew Pace, mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering, waqt intervista fuq TVM fejn meta mistoqsi dwar x’qed jistenna mill-budget ta’ Ottubru huwa saħaq li hemm bżonn li l-vouchers maħruġa mill-Gvern ghandhom jiġu estiżi sa Diċembru. Ir-rappreżentant tal-ACE faħħar il-miżura tal-vouchers, proposta li kienet preżentata mill-Partit Nazzjonalista.

“Nittamaw li l-Gvern jerġa’ joħroġ is-sistema tal-vouchers biex tkopri l-perjodu sa Diċembru għax kif qed tgħid inti, il-Milied qiegħed magħna u huwa importanti ferm li nibqgħu għaddejjin matul dawn ix-xhur diffiċli.”

Matthew Pace saħaq li din is-sistema trid tifrex sal-jiem tal-Milied bil-għan li n-negozji jibqgħu miftuħa. Huwa sostna li l-impatt tal-pandemija u l-miżuri ta’ mitigazzjoni, b’mod partikolari tad-distanza fiżika, ser inkunu qed narawhom tul il-ġimgħat tax-xitwa – meta l-klijenti jieqfu jieklu barra. Għaldaqstant, l-Assoċjazzjoni ser tkun qed tippreżenta set ta proposti biex il-problema tittaffa.

“Issa ġej il-fattur tax-xitwa, bl-element tax-xita fost l-oħrajn, iġifieri jekk se jkun hemm impatt negattiv, ħabba d-distanzi soċjali, se narawha issa matul ix-xhur tax-xitwa. (…) Stabbiliment li għandu jżomm 100 persuna fuq ġewwa, il-massimu li se jkun jista’ jdaħħal bil-linji gwida kif inhuma bħalissa huwa 40 persuna l-aktar.”

Matthew Pace insista li għad hawn element ta’ inċertezza u appella sabiex ma kull miżura li tittieħed b’rabta mas-settur tal-catering, għandhom bżonn jiġu konsultati r-rappreżentanti tan-negozji bil-għan li jsemmgħu t-tħassib tagħhom.

Huwa qal li element li jissemma ftit li xejn huwa l-fatt li hemm stabbilimenti li effettivament għalqu minn Marzu ‘l hawn minħabba li ma felħux id-daqqa ekonomika u għalhekk Pace appella sabiex tal-inqas is-sussidji mgħotija mill-Gvern ikunu ugwali għal kulħadd.

“Element li qajla jissemma huma dawk l-istabbilimenti li ilhom magħluqa minn Marzu li għadda ‘l hawn. Jidher li n-nies fis-settur tagħna ma ġewx involuti fid-deċiżjonijiet għaliex dawn qed jieħdu €800 filwaqt li l-istess tip ta’ xogħol qed jingħataw €600 lir-ristoranti.”

Matthew Pace insista li l-unions u l-assocjazzjonijiet għandhom ikunu nvoluti f’kull pass u deċiżjoni li jieħu l-Gvern.