Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Gvern bla pjan konkret fl-Edukazzjoni

Ninsabu ftit jiem biss ‘il bogħod mill-ftuħ ta’ sena skolastika ġdida, meta eluf ta’ tfal u żgħażagħ se jkunu qed jirritornaw lura fil-klassijiet sitt xhur wara li l-iskejjel ingħalqu kawża tal-pandemija tal-Coronavirus.

Iżda minkejja li issa fadal anqas minn tliet ġimgħat, il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li għad m’hemm xejn konkluż dwar il-protokolli jew sistemi li se jkunu qed jintużaw.

Mistoqsi diversi drabi minn NET News, Owen Bonnici baqa’ jinsisti biss li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin, fosthom mal-unions. Dan meta l-unions qalu diversi drabi li mhux jaqblu ma’ ħafna mill-proposti tal-Gvern.

Fosthom x’jiġri f’każ li edukatur jirriżulta pożittiv għall-virus jew għal xi raġuni jkollu jagħmel perjodu fi kwarantina. L-idea tal-Ministeru hi li l-LSA tieħu ħsieb lit-tfal tal-klassi, bl-istudenti jkunu abbinati wkoll ma’ xi klassi oħra.

Iżda issa, Owen Bonnici qed jghid li jekk ma jintlaħaqx ftehim, ikollhom jintużaw sistemi oħrajn, għalkemm ma qalx x’inhuma.

Il-Ministru lanqas ma ta serħan il-moħħ dwar il-mod kif tfal żgħar se jkunu ggwidati jobdu l-protokolli – fosthom fl-ilbies ta’ maskri jew visors. Minflok, Owen Bonnici tefa’ r-responsabbiltà fuq l-edukaturi.

Ftit tal-jiem ilu, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri kixef in-nuqqas ta’ ideat tal-Ministru tal-Edukazzjoni meta qal li Owen Bonnici mhux tekniku dwar is-suġġett.

Issa, mistoqsi direttament dwar it-tħassib ta’ eluf ta’ ġenituri u edukaturi, hu ma ta l-ebda serħan il-moħħ u baqa’ jdur biss mal-istess kantaliena li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin anqas minn tliet ġimgħat mill-bidu ta’ sena skolastika ġdida.