Coronavirus Lokali

Ħafna dubji u ftit ċertezzi għall-persuni b’diżabbiltà waqt il-pandemija tal-COVID-19 – PN

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista għadha kemm irċeviet konferma ta’ dak li ilha tissuspetta. Waqt il-pandemija tal-COVID-19, il-persuni b’dizabbilta` jinsabu f’sitwazzjoni b’ħafna dubji u ftit ċertezzi. Dan ħareġ waqt laqgħa tat-task force imwaqqfa fi ħdan il-Kummissjoni ġħad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbilta’ li għaliha kienu mistednin d-deputati Maria Deguara u Kevin Cutajar.

L-istedina li l-Oppożizzjoni apprezzat, waslet wara kritika li l-0ppożizjoni stess għamlet sabiex ikun hemm task force nazzjonali li tistudja u toħrog biss strateġija li tara li persuni b’diżabbilta’ f’Malta ma jerġgħux jispiċċaw imsakkrin fi djarhom bħalma ġara fil-bidu tal-pandemija.

Fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Maria Deguara u Kevin Cutajar, il-Partit Nazzjonalista qal li waqt il-laqgħa, ħareġ ċar li minkejja l-isforzi u l-ħidma siewja tat-task force din la sabet l-appoġġ u lanqas ma ngħatat widen mid-diversi ministeri involuti li wara kollox għandhom id-dover jindividwaw u joffru s-soluzjonijiet għal dawk li jirrapreżentaw inkluż persuni b’diżabbilta’.

In-nuqqas ta’ strateġija għall-persuni b’diżabbilta` fiż-żmien tal-pandemija ħareġ ukoll mir-reazzjoni tal-Federazzjoni Maltija, ta’ orġanizazzjonijiet li jirrapreżentaw persuni b’diżabbilta’, għad-dokument li l-Ministeru tal-Edukazzjoni flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ħarġu bħala linji gwida għall-iskejjel primarji u sekondarja. Il-Federazzjoni stqarret li la ġiet ikkonsultata u lanqas ġiet mitluba tikkollabora fit-tfassil tad-dokument fejn jidħlu l-bżonnijiet partikolari tal-membri li tirrapreżenta.

Bir-raġun, il-Federazzjoni nnutat li f’dawn il-linji gwida, l-persuni b’diżabbilta` jissemmew biss fejn jidħlu l-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu waqt it-tibdil tal-ħrieqi u meta jingħataw l-ikel. Ġustament, il-Federazzjoni qalet li dawn huma biss il-ħtiġijiet ta’ kategorija waħda fost ħafna ta’ persuni b’diżabbilta’ u li l-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbilitajiet oħra ma ġewx indirizzati.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista hi tal-istess fehma u għaldaqstant tappella lill-Ministri responsabbli mill-Edukazzjoni, mis-Saħħa u tal-Persuni b’Diżabbilta’ sabiex bis-serjeta’ jirrevedu dan id-dokument ħalli verament jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li fih. B’hekk l-istudenti b’diżabbilta` jerġgħu lura l-iskola b’moħħ aktar mistrieħ minkejja li l-COVID-19 qed jerġa’ jgħolli rasu.

Għall-Oppożizzjoni Nazzjonalista, dan il-mod ta’ kif qed jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabbilta’ waqt il-pandemija tal-COVID-19 mhix aċċettabbli. Żgur li dan mhux il-mod kif gvern serju, li jiftaħar li hu soċjalista u li għandu għal qalbu lil min hu l-iktar fil-bżonn, jimxi ma’ dawk il-persuni u ma dawk l-għaqdiet li l-uniku interess tagħhom huwa l-ħarsien tal-bżonnijiet partikolari ta’ persuni b’diżabbilta’ u tal-familji tagħhom.