Coronavirus Ekonomija Lokali

COVID-19: “In-numri niżlin, sejrin tajjeb” – Robert Abela

"L-inċertezza qed tkisser in-negozji" - Paul Abela

“Fejn tidħol governanza, m’għandix target. U l-Moneyval mhux qed jaffetwana fil-bidliet marbuta mas-Saltna tad-Dritt”

Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela meta dalgħodu ħa sehem f’konferenza online organizzata mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, fejn Abela kien qed iwieġeb domandi tal-Kap Eżekuttiv Abigail Mamo.

Il-Prim Ministru waħħal “fis-sistema li wiret” għall-fatt li l-poter kollu jinsab f’idejn Kastilja. Hu qal li l-Gvern tiegħu issa għandu mudell li pajjiżi oħra jistgħu jħarsu lejh.

Meta indirizza l-kwistjoni tal-pandemija, Robert Abela tkellem dwar il-fatt li l-vaċċin għal kontra l-Covid kapaċi jasal fix-xhur li ġejjin. Iżda insista li l-pandemija taf iddum aktar milli ħsibna.

Abela qal li bħalissa “sejrin tajjeb”, u kulħadd qed jidhra b’din ir-rutina ġdida. “In-numri niżlin”, sostna l-Prim Ministru, u qal li l-Covid saħħaħ is-soċjetà tagħna.

Hu tkellem ukoll dwar il-ftuħ tal-iskejjel u saħaq illi huwa kruċjali li t-tfal ma jitilfux aktar skola.

Matul l-intervista, il-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber tal-SMEs semmiet il-fatt li ż-żieda fil-każi pożittivi ta’ Covid-19 matul il-ġimgħat tas-Sajf kienet daqqa għan-negozji. Kien hawn illi Robert Abela ammetta li mhux kuħadd gawda mill-iskema tal-wage suppliment. Iżda qal li din l-iskema se tkun estiża.

Minn naħa tagħha, Abigail Mamo insistiet fuq il-bżonn li l-Gvern iniedi kampanja qawwija biex isostni lin-negozji.

Fl-istess konferenza, il-Ministru tal-Ekonomija tkellem dwar il-Budget u dik li sejjaħ “trasformazzjoni ekonomika”, mingħajr ma preżenta proposti konkreti. B’Silvio Schembri jgħid li ċertu miżuri se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.

“Irridu soluzzjonijiet” – Paul Abela

Il-President tal-Kamra tal-SMEs Paul Abela minn naħa tiegħu stqarr li għad hemm inċertezza dwar meta l-affarijiet se jibdew jitjiebu xi ftit, u insista li hemm bżonn messaġġi ċari mill-awtoritajiet.

“L-ekonomija mhix sejra tajba, l-inċertezza qed tkisser in-negozji u għalhekk irridu soluzzjonijiet”, qal Paul Abela.

Hu spjega li issa hu ż-żmien li kulħadd jaħdem flimkien, għall-interess nazzjonali.

“L-inċertezza hi daqqa kbira” – Marika Tonna

Waqt l-istess konferenza kellmet ukoll Marika Tonna, il-Kap Eżekuttiv tal-Business First, illi qalet li l-agħar ħaġa li qed taffetwa lin-negozji hi l-inċertezza. Dan apparti l-problema tal-cashflow li kellhom ħafna kumpaniji żgħar.

Marika Tonna tkellmet fuq il-bżonn li titnaqqas il-burokrazija fid-dipartimenti tal-Gvern u anke fuq l-importanza li jkun hemm servizz amalgamat għan-negozji, liema servizz ikun online.

Intant, aktar kmieni fl-istess konferenza, iċ-Chamber tal-SMEs nidiet sit elettroniku ġdid li joffri pjattaforma għan-negozji ż-żgħar u medji f’pajjiżna. Dan il-proġett kien possibbli grazzi għall-fondi tal-UE.

Matul il-jum, saret ukoll il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Kamra tal-SMEs.