Lokali Qorti

In-neputi tal-anzjana li nqatlet minn żewġ Pit Bulls se jitressaq il-Qorti l-ġimgħa d-dieħla

Andrè Galea mistenni jitressaq il-Qorti l-ġimgħa d-dieħa wara li ngħata l-police bail fejn kien qed jiġi nterrogat b’rabta mal-qtil brutali ta’ nanntu minn żewġ pit bulls propjetà tiegħu.

Inez Galea ta’ 95 sena nqatlet nhar it-Tnejn li għadda meta mingħajr mistenni żewġ klieb tar-razza pit bulls l-ewwel attakkaw lil kelb tagħha tar-razza chihuahua. Kollox jindika li meta hija marret biex tiddefendi l-kelb tagħha, l-pit bulls attakkaw lilha sal-punt li qatluha.

Il-Pulizija li diġa’ kellmet lil Galea li qed jiġi mistħarreġ mill-Ispettur Colin Sheldon u li dan intbagħat għall-osservazzjoni wara li ħass xi wġiegħ f’qalbu wara li seħħ il-każ u mar għall-osservazzjoni fl-isptar Mater Dei.

Huwa previst li Galea jerġa’ jiġi mitkellem mill-Pulizija nhar it-Tnejn li ġej u bejn it-Tlieta u l-Ħamis jitressaq il-Qorti mixli li l-aġir tiegħu wassal biex nanntu tispiċċa mejta.

Huwa mistenni jiġi mixli wkoll b’akkużi relatati ma’ moħqrija tal-annimali u li naqas li jieħu ħsiebhom, jindukrahom u jagħmel dak kollu possibbi biex jara li dawn jgħixu ħajja b’saħħitha.

Inez Galea nstabet bla ħajja u f’għadira demm, flimkien mal-kelb żgħir tagħha, fir-residenza tagħaha fi Triq Antonio Sciortino fl-Imsida. Fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew saru rapporti lill-Pulizija għall-mod kif kienu qed jitrabbew dawn il-klieb, kif ukoll minħabba l-inbiħ u l-krib tagħhom, anke matul il-lejl.

Minkejja li Uffiċjali tal-Animal Welfare kienu jmorru fid-dar kienu jirrappurtaw lura li ma kien hemm xejn ta’ moħqrija għall-klieb. Il-Pulizija qed tinvestiga wkoll kif dan seħħ meta ritratti li ċċirkolaw fuq il-mezzi soċjali juru fost l-oħrajn kelb partikolari maqful f’gaġġa u b’diversi daqqiet li jindikaw li l-kelb kien involut f’xi ġlied illegali tal-klieb.

Fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, Andre Galea jiddikjara li xogħolu hu li jgħammar lill-klieb, b’għadd kbir ta’ ritratti li juru diversi klieb pitbull. Fost dawn, hemm uħud mill-klieb b’widnejhom maqtugħa, f’indikazzjoni ċara li dawn il-klieb ikunu sfurzati jipparteċipaw fi ġlied illegali.

Huwa mifhum li fid-dar ta’ Andrè Galea nstabu mill-anqas 10 klieb kbar minbarra t-tnejn li aggredew u qatlu lil nanntu . Huwa mifhuma li fid-dar instab  ukoll materjal relatat mat-teħid u t-traffikar tad-droga.

L-Assoċjazzjoni tal-Annimali Abbandunati (AAA) qaet li dan kollu seta’ ġie evitat.  Hija qalet li filwaqt li jiddispjaċiha għat-traġedja li ħasdet il-ħajja tal-anzjana ta’ 95 sena, il-klieb li attakkaw lill-vittma huma vittmi wkoll, u staqsiet kif tħallew dawn il-pitbulls f’residenza privata.