Lokali Qorti

Jixhdu aktar ħaddiema li marru fuq is-sit fejn iġġarfet il-binja li ħalliet lil Miriam Pace mejta

Komplew jixhdu aktar ħaddiema li marru fuq il-post fit-2 ta’ Marzu li għadda fejn iġġarfet il-binja li ħalliet lil Miriam Pace mejta, mirduma taħt it-terrapien. Hekk kif l-Erbgħa xehedu diversi ħaddiema, tliet ħaddiema oħra spjegaw x’kien ir-rwol tagħhom fil-post dak inhar tal-inċident.

Fil-kumpilazzjoni fejn erba’ persuni huma akkużati bi qtil involontarju xehed l-ewwel Michael Gauci sid ta’ kumpanija tal-krejnijiet li kienu ssejjħu fuq il-post biex jagħtu l-assistenza tagħhom permezz ta’ krejn. Gauci qal li kienu ċemplulu l-uffiċċju tal-Protezzjoni Ċivili dak inhar tal-inċident.

Saħaq li kien fuq il-post ma’ tliet ħaddiema oħra. Il-krejn mar fil-post biex ineħħu t-terrapien u xogħlhom kien biss li jassistu lill-Protezzjoni Ċivili u għamlu hemm sa nofs il-lejl.

Wara xehed Clayton Agius, dak li saq il-krejn fejn qal li kien tneħħa xi konkrit minn fuq il-post. Qal li l-imgħallem tiegħu huwa dak li xehed qablu Michael Gauci.

Madankollu l-istruzzjonijiet tawhomlu tal-Protezzjoni Ċivili. Fuq il-post qal li kienu marru fil-5.00pm u saq il-krejn lura għall-ħabta tal-10.15pm. Xhud ieħor kien Raymond Borg li qal li mar hemm bil-vann kollu għodda u bħal ta’ qablu ingħata struzzjonijiet minn naħa tal-Protezzjoni Ċivili.

Qal li fit-2 ta’ Marzu mar Santa Venera biex iniżżel il-kaxxa tat-terrappien u ħa miegħu l-għodda. Miegħu kien hemm Mark Farrugia, li għamlu istess xogħol. Farrugia kellu jixhed fil-kumpilazzjoni iżda ġie eżentat mill-Qorti peress li ma kellu l-ebda rwol speċifiku u din l-eżenzjoni ngħatat peress li martu għadha kemm welldet tarbija.   

Wara din ix-xhieda l-Qorti bagħtet l-atti lura lill-Avukat Ġenerali f’dak li jissejjaħ rinviju u issa l-istess Qorti tistenna direzzjoni minn naħa tiegħu u għaldaqtant minħabba f’hekk dan il-perjodu jrid ikun fuq żmien tal-mill-anqas sitt ġimgħat il-kawża ġiet appuntata għall- 21 ta’ Ottubru fil-11.30am.

F’dan il-każ qed jiġu akkużati l-Perit Anthony Mangion ta’ 72 sena mill-Gżira, l-Perit Roderick Camilleri ta’ 36 sena mir-Rabat, il-Kuntrattur Ludwig Dimech ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ u l-ħaddiem Nicholas Spiteri ta’ 42 sena mill-Imqabba. Qegħdin jiġu akkużati li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkawżaw il-mewt ta’ Miriam Pace.

L-erba’ rġiel qegħdin iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom bil-kuntrattur Dimech qed jiġi mixli wkoll li sar reċediv.  Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Robert Vella u Matthew Galea. Qegħdin jiġu mixlija wkoll li fil-jum tal-inċident u qabel bi traskuraġni, u b’nuqqas ta’ ħila fil-professjoni tagħhom għarrqu diversi propjetajiet fil-madwar.

Jinsabu mixlijin ukoll li biex jiksbu xi benefiċċju jew vantaġġ għalihom għamlu dikjarazzjoni falza. Il-Perit Mangion qed jiġi mixli wkoll li fil-jum tal-inċident u fix-xhur ta’ qabel naqas li jkun preżenti fuq is-sit ta’ kostruzzjoni msemmi kull meta kienu qegħdin jittieħdu d-deċiżjonijiet li jaffettwaw ir-riskju ta’ ħsara lill-propjetà ta’ terzi persuni.

L-irġiel qed jiġu akkużati wkoll li kkaġunaw ħsara fil-propjetà tal-istess vittma u żewġha, kif ukoll f’dawk ta’ David Zerafa, Rosaria Zerafa, John Sammut, Grace Sammut, Joseph Sammut u l-kumpanija Edu Centre Limited.

Il-Perit Camilleri għandu jiddefendih lill-Avukat Arthur Azzopardi, l-Perit Mangion lill-Avukat Alfred Abela, l-Avukati Franco Debono, Francesca Zarb, Amadeus Cachia u Marion Camilleri qed jidhru għal Nicholas Spiteri filwaqt li Dimech għandu jiddeffenduh lil Roberto Montalto, Michael Sciriha u Franco Galea. L-Avukati Joe Giglio u David Bonello huma l-Avukati għan naħa tal-vittmi.