Lokali Qorti

Lawrence Cutajar mhux konxju tal-kontenut tal-file “Operation Green”

Michael Cassar jiftaħ file fuq rapport tal-FIAU filwaqt li Cutajar jisħaq li l-informazzjoni tal-FIAU ma tgħaddix taħt idejh

Jidher li l-eks-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, ma kienx konxju tal-kontenut tal-file “Operation Green”; file fid-Depot illi kellu informazzjoni fuq l-allegat tixħim u ħasil ta’ flus bejn Keith Schembri u Brian Tonna mill-bejgħ tal-passaporti, u li nfetaħ 3 ġimgħat biss qabel mal-istess Kummissarju ħa t-tmun tal-Korp tal-Pulizija.

Meta din il-ġimgħa kien qiegħed iwieġeb mistoqsija tal-avukat Jason Azzopardi fix-xhieda tiegħu fl-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia, Cutajar b’mod ċar ċaħad li rċieva xi informazzjoni dwar bank transfers suspettużi u suspetti ta’ ħasil ta’ flus bejn Keith Schembri u Brian Tonna. Dan b’rabta ma’ tixħim mill-bejgħ tal-passaporti; informazzjoni li kienet żvelat Daphne Caruana Galizia.

Fil-Qorti, l-eks Kummissarju qal dan il-kliem: “Ħa nkun ċar. Niċħad li rċievejt din l-informazzjoni. Ma ddoqqlix għal widnejja” u żied li l-informazzjoni tal-FIAU ma tgħaddix taħt idejh.

Iżda din it-tweġiba tistona mal-fatti li żvela l-Kummissarju ta’ qablu, Michael Cassar, li fix-xhieda tiegħu fl-istess inkjesta fid-9 ta’ Jannar li għadda kien żvela fit-8 t’April 2016, 3 ġimgħat qabel ma Cutajar inħatar Kummissarju, infetaħ fajl fuq Keith Schembri u Brian Tonna bl-isem ta’ “Operation Green”.

Dan wara li ftit qabel ma telaq, Michael Cassar kien mgħarraf b’rapport tal-FIAU dwar l-allegat tixħim mill-bejgħ tal-passaporti, fejn ingħad li Keith Schembri rċieva €100,000 mingħand Brian Tonna f’2 trażazzjoni ta’ €50,000 fil-Bank Pilatus permezz ta’ Willerby Trading, kumpanija off-shore fil-British Virign Islands.

Kif bdew ħierġin l-allegazzjonijiet, Michael Cassar ikkonferma li l-FIAU kienu qed jaħdmu fuqha u sakemm il-Pulizija kellha tistenna r-rapport tal-FIAU, il-Pulizija kellha tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha.

Michael Cassar kien irriżenja ftit anqas minn 3 ġimgħat wara li rċieva r-rapport tal-FIAU, b’Lawrence Cutajar jinħatar Kummissarju tal-Pulizija dritt warajh.