Lokali

“Partit determinat…miftuħ għal kulħadd” – Adrian Delia

“Għandna sfidi kbar fi snin li ġejjin u rridu liż-żgħażagħ taħgna jifhmu li huma mhux biss parti mis-soluzzjoni imma huma kapaċi jsibu soluzzjonijiet huma stess”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista li saritlu fil-programm speċjali Elezzjoni Kap 2020 il-Ħamis filgħaxija fejn saħaq li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin irridu nieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi. Huwa qal li meta naraw minn xiex għadda pajjiżna tul din is-sena, u minn x’inhu għadu għaddej, nirrealizzaw li l-akbar riżorsa prinċipali huma ż-żgħażagħ u l-ħaddiema tagħna li jaħdmu qatigħ għal ġid ta’ pajjiżna.

Adrian Delia insista li ladarba naħdmu id f’id sabiex il-kuntratti maħmuġin nwaqqgħuhom, fosthom tal-VITALS jaqgħu nkunu nistgħu ngħinu lil bagħtut, lil dawk kollha li jinsabu f’diffikultà bin-negozju tagħhom kif ukoll lill-pensjonanti li mhux qed ilaħqu mal-ispejjeż sal-aħħar tax-xahar. Huwa sostna li l-Partit Nazzjonalista determinat li jikseb dan kollu.

Mistoqsi dwar l-immigrazzjoni, filwaqt li rringrazzja lill-pulizija għal ħidma tagħhom favur is-sigurtà fit-toroq tal-lokalitajiet tagħna, Adrian Delia insista li l-Gvern m’għandux biżżejjed kontroll f’dan il-qasam bl-anzjani beżgħana joħorġu mill-bieb ‘il barra. Huwa saħaq li l-fatt li l-Gvern Laburista bbaża l-ekonomija tiegħu fuq iż-żieda sostanzjali fil-popolazzjoni qed twassal sabiex fil-lokalitajiet tagħna qed jinbtu l-ghettos, u jżid il-faqar. Għalhekk, Adrian Delia spjega li l-pajjiż ma jiflaħx aktar għal influss qawwi ta’ barranin.

Huwa saħaq li taħt tmexxija tal-Gvern Laburista, il-poplu Malti u Għawdxi qed jinsteraq mill-inqas nofs miljun ewro kuljum, għalhekk, ladarba ssir ġustizzja, b’mod konkret, dawk it-82,000 persuna li jinsabu f’riskju ta’ faqar, ikunu jistgħu jiġu mgħejuna b’mod deċiż u effettiv. Adrian Delia qal li minflok, b’daqqa ta’ firma, l-eks Ministru Laburista Konrad Mizzi, ta’ għajnuna lill-Electrogas wara l-ftehim skandaluż tal-VGH – kwistjoni li kien Adrian Delia stess li ġġieled għad-drittijiet tal-poplu Malti u Għawdxi fil-Qrati tagħna.

Huwa saħaq li fejn hemm bżonn trid tintrefa’ responsabbilità politika u fejn hemm bżonn irid jintrodd kull ċenteżmu li nsteraq lura lill-poplu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li bil-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid, Angelo Gafà u issa l-ħatra ta’ Victoria Buttigieg bħala Avukat Ġenerali, il-Partit Nazzjonalista qed jipretendi li jsiru investigazzjonijiet serji fuq politiċi u ħbieb tagħhom.

Dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-Covid-19, Adrian Delia sostna li l-Prim Ministru Robert Abela kien reattiv u selettiv, b’deċiżjonijiet li waslu sabiex in-negozji ta’ pajjiżna jaffaċċjaw inċertezzi kbar. Huwa insisti li l-Partit Nazzjonalista kien wieħed propożittiv tul dan il-perjodu diffiċli filwaqt li sema’ t-tħassib tad-diversi organizzazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u unjins li resqu ‘l quddiem jitkellmu mal-Oppożizzjoni.

Mistoqsi dwar l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia saħaq li dan huwa partit li jemmen bi sħiħ fid-demokrazija kif ukoll fid-dibattitu u li hawn spazju għal kulħadd  – Partit li jsawwar politika li tħares l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.

Dan filwaqt li faħħar l-eżerċizzju tad-Due Diligence li qed jitwettaq bi tħejjija għal din il-kampanja ta’ elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista fejn insista li kien huwa stess li xtaq li jitwettaq dan l-iskrutinju ta’ 6 ġimgħat. Huwa wera x-xewqa wkoll li dan l-eżerċizzju mhux biss isir fi ħdan din l-elezzjoni iżda ankè għal kandidati kollha li jkunu ser joħorġu għall-elezzjoni ġenerali bil-għan li l-poplu jkun jistgħa jagħmel l-għażla ġusta.