Lokali

“Politika li tappella mhux biss għal preżent iżda ankè għal futur” – Bernard Grech

“Jien irrid li ż-żagħżugħ f’kull forma tiegħu, f’kull ħila tiegħu, jersaq biex ikompli jifjorixxi, ikabbar u jsebbaħ il-politika tal-PN bil-għan li jaghmilha aktar reali u aktar attiva”

Hekk qal Bernard Grech waqt il-programm speċjali imħejji minn Net Television il-Ħamis filgħaxija fejn insista li ż-żgħażagħ iridu jkunu element kruċjali fil-ħidma tal-Partit Nazzjonalista u sostna li jrid jara liż-żgħażagħ f’kull organu tal-partit, mhux biss bħala strument medjatiku, iżda attivi fit-tnissiġ tal-politika tal-partit.

Bernard Grech, li wera x-xewqa li jkun kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit għandu bżonn jingħaqad u jiġġedded, iżda dan jista’ jitwettaq biss bil-parteċipazzjoni ta’ aktar nies f’kull livell tas-soċjetà bil-għan li pajjiżna jkollu Oppożizzjoni b’saħħitha u Gvern alternattiv.

Mistoqsi dwar il-viżjoni tiegħu għall-pajjiż, huwa qal li rridu nirranġaw il-ħsara kbira li twettqet fir-reputazzjoni tal-pajjiż wara li xi uħud ħatfu lill-Partit Laburista u sussegwentament il-kuriduri ta’ Kastilja. Bernard Grech appella lill-Maltin u Għawdxin sabiex jingħaqdu f’ħolma waħda, dik li nerġgħu nagħtu ġieħ lill-Gżejjer Maltin barra minn xtutna. Huwa stqarr li jittama, li pajjiżna jgħaddi mill-eżami tal-Moneyval, l-għaliex jekk l-eżitu jkun fin-negattiv ir-riperkussjonijiet fuq l-ekonomiji ikunu kbar. Huwa spjega li importanti li l-Oppożizzjoni tibqa’ ssemma’ leħinha għal ġustizzja sabiex infakkru li ħadd ma huwa ‘l fuq mil-liġi l-għaliex kawża tal-ħsara li ġabu numru ta’ persuni marbuta mal-Gvern Laburista, inkluż dawk li ddefenduhom, illum il-poplu qed iġorr il-piż ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

Madanakollu huwa qal li l-għajta tal-Partit Nazzjonalista m’għandhiex tkun biss kontra l-korruzzjoni, iżda għanda tkun għajta favur il-bniedem u favur il-viżjoni li dan il-partit għandu għal Malta.

Mistoqsi dwar l-għajdut ta’ elezzjoni ġenerali bikrija, Bernard Grech sostna li jittama li l-Prim Ministru Robert Abela jieħu din id-deċiżjoni fl-interess tal-poplu u mhux fl-interess tiegħu u tal-Gvern Laburista. Dan filwaqt li meta kien mistoqsi x’passi ser ikun qed jieħu jekk tiġi ppublikata xi ħaġa skandaluża dwar deputati tiegħu, fl-eventwalità li t-tesserati jagħtuh fiduċja, Bernard Grech saħaq li ma jħarisx lejn uċuħ iżda jieħu l-pass meħtieġ b’mod ġust wara li l-fatti jkunu konfermati. Dan għaliex, saħaq Grech, li n-nies ma jridux aktar logħob bil-kliem, iżda azzjoni.

Mistoqsi dwar il-pagamenti tat-taxxa mħallsa tard huwa ammetta li setgħa mexa b’mod aħjar u saħaq li l-fatti juru li dawn tħallsu sal-inqas ċenteżmu filwaqt li spjega li dawn tħallsu fuq mhedda ta’ madwar 4 snin minn fond tal-familja.

Mistoqsi dwar l-għaqda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech sostna li dan mhux biss obbligu lejn il-partitarji iżda lejn il-poplu kollu u insista li l-viżjoni ta’ tmexxija li għandu hija waħda man-nies u għan-nies.

Bernard Grech saħaq li kull partit politiku jeżisti sabiex jiggverna u qabel mal-partit jibda jaħdem biex jikseb il-fiduċja tan-nies, irid jikseb il-fiduċja fih innifsu. Huwa qal li biex verament il-Partit Nazzjonalista jkollu politika li tappella għal kulħadd, trid tkun politika li tħoss il-polz tal-poplu u li twettaq il-ġid fl-interess ta’ Malta u Għawdex. Dan filwaqt li saħaq li bħal xufier ta’ karozza, hekk ukoll għandu jkun partit; ikun jaf minn fejn ser jitlaq u fejn ser jasal – konvint mid-direzzjoni li jieħu.

Għaldaqstant huwa appella lil dawk il-persuni li għandhom l-ideat tagħhom sabiex jersqu ‘l quddiem l-għaliex fi kliemu stess, il-partit miftuħ għal kull min irid ikun parti minn din il-mixja.