Sport Waterpolo

Sirens u Sliema pass bogħod mis-semifinali

Stewart Said

EXILES FERRETTI……………….. 4

SIRENS MECCA MARIN……….. 6

(2-1), (0-2), (1-2), (1-1)

L-ewwel logħba minn possibbiltà ta’ tlieta marret fuq in-naħa ta’ Sirens f’dak li hu meqjus bħala dwell bejn żewġ timijiet li dejjem offrew logħba bilanċjata. Exiles naqsu li jibnu fuq il-vantaġġ tajjeb li bnew fil-bidu, b’Sirens jgħollu l-livell ta’ prestazzjoni aktar ma għadda l-ħin.

Exiles kellhom l-aqwa bidu possibbli hekk kif kisbu vantaġġ doppju permezz tal-veteran Aurelien Cousin fl-ewwel minuta u nofs tal-logħba. Isaiah Riolo naqqas id-distakk fl-ewwel sessjoni, b’Sirens idawru r-riżultat fit-tieni sessjoni permezz ta’ Ken Erdogan u gowl sabiħ ta’ Riolo.

Jekk il-gowl tax-xellugi Riolo kien sabiħ, daqstant ieħor kien dak ta’ Cousin. Hu għeleb lil Joseph Parnis b’xutt preċiż u b’saħħtu mid-distanza. Iżda Sirens irnexxielhom jiksbu vantaġġ doppju għall-ewwel darba, l-ewwel b’gowl taż-żagħżugħ Gianni Farrugia, b’John Napier jiskorja ftit wara b’xutt fuq l-ewwel lasta.

Mikhael Cutajar kabbar il-vantaġġ ta’ Sirens fl-aħħar sessjoni filwaqt li Mark Fenech ħalla lil Exiles jittamaw b’penalty. Iżda Exiles ma rnexxielhomx ipoġġu biżżejjed pressjoni fuq l-avversarji fl-aħħar attakki tagħhom.

Exiles: M. Castillo, J. Bajada, A. Magri, P. Paris, T. Sullivan, S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti, N. Paris, A. Cousin (3), S. Apap, D. Fenech, G. Borg

Sirens: J. Parnis, J. Ciantar, K. Erdogan (1), G. Melillo, L. Galea, T. Said, L. Falzon, I. Riolo (2), J. Napier (1), M. Cutajar (1), M. Sciberras, M. Azzopardi, G. Galea Curmi, G. Farrugia (1), G. Sammut

Referees: Mario Dalli, Ronnie Spiteri

SLIEMA FRANK SALT………….. 21

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 3

(5-0), (4-0), (7-2), (5-1)

Sliema Frank Salt għamlu pass importanti biex jgħaddu għas-semifinali tal-play-offs. Huma kisbu rebħa faċli fuq Birżebbuġa Freeport, rebħa li kienet saħansitra akbar minn dik li kisbu kontra l-istess tim ġimagħtejn ilu.

Is-Slimiżi dehru li bdew isibu l-kollettività li tilfu ftit fl-aħħar logħbiet. Birżebbuġa fuq in-naħa l-oħra kellhom wirja deludenti fejn naqsu li jżommu r-ritmu mal-avversarji u ppermettew wisq spazji fid-difiża.

Gowls ta’ Jerome Gabarretta, doppjetta ta’ John Brownrigg, Nicholas Bugelli u Mark Meli taw vantaġġ komdu lil Sliema fl-ewwel sessjoni. It-tim ta’ Sergio Afric serraħ rasu mir-rebħa fit-tieni sessjoni b’erba’ gowls oħra mingħajr risposta.

Minkejja d-distakk notevoli, Sliema baqgħu xorta jilagħbu tagħhom, b’Afric jibqa’ jinsisti biex it-tim iżomm il-livell tal-prestazzjoni. Matul din is-sessjoni, spikkaw id-doppjetti ta’ Mark Meli u Michael Spiteri Staines filwaqt li David Cutajar skorja l-ewwel żewġ gowls ta’ Birżebbuġa.

L-andament tal-logħba baqa’ l-istess fl-aħħar sessjoni biż-żgħażagħ Benji Cachia u Liam Galea jkollhom l-opportunità wkoll li jsibu x-xibka.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (2), L. Galea (1), J. Sciberras (1), M. Meli (4), B. Cachia (1), M. Spiteri Staines (4), J. Soler, J. Brownrigg (4), Z. Mizzi (2), N. Bugelli (2), Z. Sciberras

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia, N. Cassar, D. Pace Lupi, C. Mifsud, P. Serracino, S. Vassallo (1), D. Cutajar (2), M. Bonnici, M. Borg, R. Spiteri, S. Fava, M. Sladden, B. Grech, Z. Bartolo

Referees: Peter Balzan, Stefan Licari