Formula 1 Sport

Vettel se jissieħeb ma’ Aston Martin fl-istaġun li ġej

(Ritratt: EPA)

Is-sewwieq Ġermaniż Sebastian Vettel se jissieħeb ma’ Aston Martin fl-istaġun li ġej. Aston Martin se jkun l-isem il-ġdid ta’ Racing Point mill-istaġun li ġej fil-Formula 1.

Fil-preżent Vettel qiegħed isuq għall-Ferrari fejn aktar kmieni dan is-sajf tħabbar li postu se jkun qiegħed jieħdu Carlos Sainz. Jidher li wara li lbierħa ħarġet l-aħbar li Sergio Perez se jkun qiegħed iħalli lil Racing Point fi tmiem l-istaġun, postu se jkun qiegħed jieħdu Sebastian Vettel.

Sebastian Vettel rebaħ erba’ kampjonati tal-Formula 1 meta kien ma’ Red Bull iżda jidher li l-esperjenza tiegħu ma’ Ferrari ma marritx kif mixtieq u b’hekk se jkun qiegħed jittama li din se tkun opportunità biex jerġa’ jirritorna lura għall-glorja.