Lokali Qorti

Żabbari jinżamm arrestat fuq allegat serq ta’ żewġ barbaġanni

Raġel ta’ 32 sena minn Ħaż-Żabbar inżamm taħt arrest preventiv anke jekk wieġeb mhux ħati li seraq żewġ barbaġanni mill-Buskett għad-dannu tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK).

Ronald Azzopardi, li quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo qal li xogħolu hu li jiżbor is-siġar, ġie mixli li wettaq din is-serqa nhar it-Tnejn 7 ta’ Settembru li għadda bil-valur tal-barbaġanni jiżboq €500-il wieħed.

Huwa ġie mixli wkoll mill-Ispetturi Frankie Sammut u Andy Rottin li għamel interventi kirurġiċi għal raġunijiet biex ikun hemm tibdil tal-apparenza tal-annimal, li ġiegħel annimali jsofru u li kkaġuna ħsara fil-proprjetà fejn kien hemm it-tjur.

Permezz tal-Avukat Fransina Abela huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih iżda l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ċaħditlu t-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Dan wara li ntlaqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni li għad hemm diversi xhieda pajżana li għad iridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom fuq il-każ.
Is-suspettat inqabad jumejn biss wara li l-barbaġanni nsterqu minn guva tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, fejn hija żżomm ħamsa minn dawn l-għasafar.

L-FKNK għandha kameras tas-sigurtà installati ġol-guva u fil-madwar, u għaddiet il-filmati li juru lir-raġel jisraq il-barbaġanni lill-Pulizija għall-istħarriġ tagħha. Kien permezz ta’ dawn il-provi li l-Pulizija ressqet lil Azzopardi.

Dawn il-barbaġanni kienu parti minn proġett pilota li qed isir mill-FKNK fir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett stess u dan bil-għan li dan l-ispeċi t’għasfur jerġa jiġi ntorodott fil-pajsaġġ Malti.