“Jekk jiġu approvati ż-żewġ żviluppi proposti estensivi u massivi biswit xulxin, se jibdlu għalkollox l-estetika u l-karattru tal-bajja pittoreska tax-Xlendi.”
Saħqet dan l-Għaqda mhux governattiva ‘Wirt Għawdex’ fi stqarrija li fiha uriet it-tħassib tagħha mal-Awtorità tal-Ippjanar rigward żewġ proposti kurrenti ta’ żvilupp fix-Xlendi.
L-ewwel waħda tikkonċerna l-applikazzjoni fuq sit mhux żviluppat għall-bini ta’ numru ta’ garaxxijiet, maqsuma fuq tliet livelli taħt l-art, b’60 appartament u 6 penthouses mibnija fuqhom.
L-applikazzjoni fis-sit biswitha hija maqsuma żewġ fażijiet, l-ewwel it-twaqqiegħ ta’ Hotel Xlendi u l-iskavar tas-sit. Sussegwentament, fuq is-sit mistennija tinbena lukanda ta’ 4 stilel b’parkeġġ fuq 5 livelli.
Dwar din l-applikazzjoni, Wirt Għawdex tisħaq li estetikament il-faċċata proposta ma taqbel xejn mad-djar antiki li jinsabu fi Triq San Xmun u peress li huma fost l-eqdem strutturi f’dan l-irħajjel, l-NGO tħoss li dawn jistħoqqilhom xi forma ta’ protezzjoni.
L-organizzazzjoni appellat għal-żvilupp ikkontrollat u b’rispett totali lejn l-inħawi fejn qiegħed isir l-iżvilupp u staqsiet jekk f’dan il-każ, x’hemm sostenibbli sostenibbli dwar dawn iż-żewġ żviluppi proposti.
Skont Wirt Għawdex l-applikazzjonijiet mhux qed jikkunsidraw il-qies tal-Bajja tax-Xlendi u jekk jiġu approvati, dawn iż-żewġ żviluppi se jkollhom impatt kbir fuq it-traffiku, il-ġenerazzjoni ta’ l-iskart, il-kwalità tal-ħajja in ġenerali, l-indafa tal-baħar, u l-kwalità tax-Xlendi bħala destinazzjoni turistika, fost l-oħrajn.
//= $special ?>