Internazzjonali

Brexit: Dubji dwar it-taħditiet kummerċjali,bir-Renju Unit jiċħad ultimatum tal-UE

It-taħditiet dwar ftehim kummerċjali bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jinsabu mdendlin waqt ‘konfront’ dwar il-pjani tal-Britanniċi biex iwarrbu parti mill-ftehim għall-Brexit, intiż għall-irtirar tar-Renju Unit mill-grupp ta’ pajjiżi.

L-UE wissiet li r-Renju Unit kapaċi jiffaċċja azzjoni legali f’każ li ma jirtirax elementi kontroversjali tal-abbozz bl-isem Internal Market Bill, sal-aħħar tax-xahar. Filwaqt li xi deputati tal-Partit Konservattiv Britanniku fil-Gvern esprimew tħassib u ħadu inizjattiva biex jemendaw il-liġi ġdida tar-Renju Unit, il-Ministri fil-kabinett tal-Prim Ministru Boris Johnson qegħdin jinsistu li l-elementi inkwistjoni jridu jibqgħu validi.

It-taħditiet kummerċjali bejn ir-Renju Unit u l-UE għandhom ikomplu nhar it-Tnejn fost differenzi ‘sinifikanti’. L-Internal Market Bill propost minn Johnson – li nhar it-Tnejn, ikun suġġett għal dibattitu formali fil-House of Commons– jindirizza l-Protokoll għall-Irlanda ta’ Fuq; liema protokoll hu element tal-ftehim għall-Brexit intiż biex jevita ritorn ta’ fruntiera riġida fl-Irlanda.

Il-liġi ġdida għandha tagħti lill-Ministri Britanniċi l-poter biex jimmodifikaw jew ‘iwarrbu’ regoli relatati mal-moviment tal-prodotti li għandhom jidħlu fis-seħħ mill-Ewwel ta’ Jannar li ġej – dment li r-Renju Unit u l-UE ma jirnexxilhomx jaslu għal ftehim dwar il-kummerċ.

Il-pubblikazzjoni tal-abbozz kienet wasslet għal taħditiet ta’ emerġenza, bl-UE issostni li mgħandhiex taċċetta l-bidliet ippjanati. L-Unjoni kompliet li r-Renju Unit (li kompla jisfida d-domandi ta’ Brussell) ‘qed jissogra li jipperikola t-taħditiet kummerċjali mal-Unjoni’.

Ir-Renju Unit, ftit tal-ħin ilu, ikkonkluda l-ewwel ftehim kummerċjali kbir ta’ wara l-Brexit. Dan meta l-pajjiż iffirma ftehim mal-Ġappun li jaħseb biex jistimola l-kummerċ bilaterali b’xi 15-il biljun Sterlina. Is-Segretarju Internazzjonali tar-Renju Unit għall-Kummerċ. Liz Truss, fissret dan il-ftehim bħala ‘mument storiku’ għal pajjiżha.