Lokali

Għandna nużaw dan il-mument bħala opportunita’ biex noħolqu pjan ekonomiku ġdid – PN

L-impatt tal-COVID-19 fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna, id-diffikultajiet li qegħdin jaffaċċjaw in-negozji żgħar u medji u l-proposti għall-baġit tas-sena d-dieħla ġew diskussi waqt laqgħa li saret bejn delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u l-eżekuttiv tal-Malta Chamber of SMEs.

Matul din il-laqgħa, Mario de Marco qal li meta tħabbar il-pakkett t’għajnuna mill-Gvern għall-impatt tal-imxija tal-COVID-19, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista flimkien mal-Korpi Kostitwiti sostnew li dan ma kienx biżżejjed u kien wara din il-pressjoni li saritlu li l-Gvern irreveda u ressaq pakkett ieħor. Huwa qal li filwaqt li ħafna negożji baqgħu għaddejjin minkejja li qegħdin jaffaċċjaw diffikultajiet kbar, l-veru test se tkun is-sena finanzjarja li ġejja. Mario de Marco qal li rridu nkunu proattivi u mhux reattivi għaliex dan il-mument qed jagħtina l-opportunita’ biex noħolqu pjan ekonomiku ġdid u viżjoni ekonomika ġdida bi pjan fit-tul. Huwa qal li l-Oppożizzjoni qed taħdem fuq id-dokument ta’ qabel il-baġit, biex inressqu l-proposti u naqsmuhom mal-Korpi Kostitwiti għaliex hija responsabbilta’ tagħna lkoll li nsalvaw l-impjiegi u li ninċentivaw l-investiment.

Claudio Grech qal li l-Oppożizzjoni tqis li l-priorita’ ewlenija fix-xhur li ġejjin hija li l-intrapriżi Maltin u Għawdxin jingħataw l-appoġġ kollu neċessarju sabiex mhux biss joħorġu mill-kriżi li għaddejjin minnha bħalissa iżda li wkoll jieħdu l-opportunita’ biex jinvestu f’miżuri ta’ tkabbir u ta’ effiċjenza għall-operat tagħhom. Huwa qal li L-intrapriżi żgħar u medji jridu jingħataw priorita’ assoluta biex ma’ nħallux din il-kriżi ddgħajjifhom. Claudio Grech qal li dawn l-intrapriżi huma l-qofol tal-ekonomija tagħna, dawk li rriskjaw il-ġid personali tagħhom biex ħolqu l-attivita’ ekonomika u l-postijiet tax-xogħol. Issa ma’ nistgħux inħalluhom ifendu għal rashom qal Claudio Grech.

Hermann Schiavone qal li l-iskema tal-vouchers kienet ta’ ghajnuna kbira lil bosta negozji speċjalment ir-ristoranti u l-lukandi. Filwaqt li tenna dwar l-importanza li l-iskema tiġi estiża għax-xhur li ġejjien, huwa qal li jittama li l-Gvern jaħseb sabiex in-negozji jinghataw aktar għajnuna fil-ħlas tal-kera u s-sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Il-Gvern ghandu wkoll jissospendi kull ħlas ta’ liċenzji tan-negozji sakemm tgħaddi din il-kriżi li qed iħabbtu wiċċhom magħha n-nies fin-negozju saħaq Hermann Schiavone.

Kristy Debono qalet li l-pandemija qed tpoġġi sfidi kbar fuq l-ekonomija inġenerali b’mod partikolari n-negozji żgħar u medji. Diversi studji juru li n-negozji se jibqgħu dipendenti fuq l-għajnuna finanzjarja għax-xhur li ġejjien. Għaldqstant jeħtieġ li l-Gvern jassigura li kull industrija tirċievi l-għajnuna li għandha bżonn b’mod aktar effettiv u f’waqtu sabiex jibqgħu joperaw b’mod sostennibli waqt li nassiguraw li tingħatalhom l-għajnuna meħtieġa biex jittrasformaw u jġeddu l-operat tagħhom biex jimmodernizzaw u jibqgħu relevanti u kompetittivi għas-suq tal-lum. Kristy Debono saħqet li filwaqt li l-fondi Ewropej, il-Bank Malti għall-Iżvilupp u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn huma neċessarji, l-Gvern jeħtieġ li jkun iktar trasparenti dwar l-użu tal-fondi u jiffaċilita’ l-aċċess tagħhom peress li l-proċess għadu wisq burokratiku u rigoruż għall-intrapriżi ż-żgħar u medji.

Min-naħa tiegħu, l-President tal-Malta Chamber of SMEs Paul Abela tkellem dwar l-irwol li kellhom waqt l-imxija tal-COVID-19 fuq pajjiżna u kif ħafna negozji ħassew l-impatt ta’ din il-pandemija. Huwa qal li l-proposta li ressqet il-Malta Chamber of SMEs dwar il-wage suppliment għenet sabiex ġew salvati eluf ta’ impjiegi. Paul Abela għamel referenza dwar il-fatt li l-assistenza ma’ngħatatx lil kulħadd u kif il-Malta Chamber of SMEs ħadmet biex żdiedu s-setturi li ngħataw l-għajnuna matul iż-żmien tal-imxija.

Għal din il-laqgħa, d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista kienet magħmula mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech, Kelliem għall-Industrija tal-Catering u Divertiment, Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Hermann Schiavone u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej Kristy Debono. Filwaqt li min-naħa tal-Malta Chamber of SMEs kienu preżenti l-President Paul Abela, l-Viċi President Philip Fenech u l-Kap Eżekuttiv Abigail Mamo.