Coronavirus Lokali Saħħa

Ħtieġa għall-investiment fl-appoġġ għall-problemi ta’ saħħa mentali u servizzi ta’ prevenzjoni

Minn tnejn sa tliet persuni jagħmlu suwiċidju fix-xahar f'pajjiżna

F’messaġġ għall-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr. John Cachia, appella għall-investiment akbar f’servizzi ta’ prevenzjoni u appoġġ għall-problemi ta’ saħħa mentali fid-dawl li l-pandemija ġabet magħha effetti fit-tul li wieħed jaf qas qed jara.

Cachia nnota kif il-COVID-19 ġab miegħu taħlita t’emozzjonijiet, minn biża’, għal stress, dwejjaq u solitudni fost l-oħrajn, b’bosta nies ma kinux kapaċi jegħlbu dawn il-ħsibijiet forsi għaliex il-pandemija heddet ir-rutina ta’ kuljum, l-istil ta’ ħajja, l-għixien jew l-operat tan-negozji. Għalhekk appella lill-awtoritajiet u lill-pubbliku sabiex ikunu aktar konxji għal dawk li ma jistgħux jerġgħu jiksbu l-kontroll tal-emozzjonijiet tagħhom.

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali fakkar minn 2 sa 3 persuni jmutu kull xahar f’pajjiżna b’suwiċidju, b’90% tal-imwiet ikunu irġel. Dan hekk kif dawn in-nies jesperjenzaw dwejjaq kbar, dipressjoni severa, imġieba konfuża u uġiegħ emozzjonali.

Ħadd ma għandu xi immunità għas-suwiċidju, kompla jisħaq John Cachia, għaliex dawn il-ħsibijiet jistgħu jaħkmu lil kulħadd, irrespettivament mir-reliġjon, ir-razza, l-isfond soċjo-ekonomika, is-sess jew l-età.

Irrimarka kif hemm min ifittex l-għajnuna meta jkun tard wisq u jispiċċaw jistennew ħafna aktar biex jingħataw appuntament. Uħud jippruvaw ixejjnu dawn il-ħsibijiet u jirrikorru għal soluzzjonijiet oħra iżda oħrajn jerġgħu jirritornaw biex jesploraw is-suwiċidju bil-għan li jwaqqfu l-uġiegħ u l-miżerja.

Suicidal thoughts can be more about stopping the pain and the misery. The impulse to end one’s life does not last forever. Seeking help and getting treatment will set the person on the path to recovery.

Saħaq li 75% tan-nies li jwettqu suwiċidju jagħti xi tip ta’ indikazzjoni lil xi ħadd tal-intenzjonijiet tagħhom u meta se jwettqu dan il-ħsieb. Huwa minn hawn li x-xogħol tal-prevenzjoni mis-suwiċidju jibda, kompla l-Kummissarju, hekk kif il-persuna jwitti t-triq ta’ rkupru bl-għajnuna u l-kura.

Għalhekk is-soluzzjoni mhix li ssikket id-diskussjoni fuq is-suwiċidju u l-Kummissarju huwa kommess li jxejjen l-istigma soċjali fuq id-diskussjoni b’rabta mas-suwiċidju billi jinseġ diskussjoni miftuħa u aperta li tinnormalizza l-mod kif is-soċjetà tħares lejn il-problema u titrattaha.