Internazzjonali

Il-Greċja ssejjaħ biex l-UE ‘taqsam mill-kliem għall-fatti’ fil-kriżi tal-immigranti

Il-Greċja qed tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jieqfu mid-diskors u jirrikorru għal azzjoni ta’ solidarjetà, meta l-awtoritajiet Griegi qed jagħmlu l-almu biex isibu kenn għal eluf ta’ immigranti li spiċċaw mingħajr akkommodazzjoni wara li l-kamp tagħhom spiċċa meqrud min-nirien, aktar kmieni fil-ġimgħa.

L-appell tal-Prim Ministru Grieg, Kyriakos Mitsotakis kien irrepetut mill-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, li sostniet li l-UE għandha taqsam aktar mir-responsabbiltà għall-immigranti.

Dan meta l-Ġermanja, Franza u l-Olanda offrew li jieħdu mijiet ta’ immigranti li kienu qed jinżammu fil-kamp meqrud, bl-isem Moria, fuq il-gżira Griega ta’ Lesbos. Hu kalkulat li mat-13,000 immigrant kienu qed jgħixu qalb l-agħar kundizzjonijiet fil-kamp inkwistjoni li kien l-akbar wieħed fil-Greċja.

Intant, il-familji immigranti qegħdin jorqdu fit-toroq, qalb l-għelieqi inkella fil-car-parks wara li ħarbu mill-kamp meqrud. Uħud mill-immigranti anki sabu kenn ġo ċimiterju, bil-Gvern Grieg jagħmilha ċara li jistgħu jkollhom jgħaddu l-ġranet sakemm tinstab akkommodazzjoni xierqa għal dawn in-nies.

Fl-aħħar sigħat, ir-residenti lokali fl-inħawi viċin il-kamp ta’ Moria kienu qed jagħlqu t-toroq biex iwaqqfu lill-gruppi karitatevoli milli jwasslu l-għajnuna lir-refuġjati taz-zona. Kelliema għar-residenti qalu wkoll li huma kontra l-bini ta’ tined ġodda għall-immigranti fl-inħawi.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Mitsotakis qal li l-kriżi tal-immigranti hi ‘problema tal-Ewropa’ u li l-UE teħtieġ tieħu azzjoni konkreta f’din is-sitwazzjoni. ‘L-Ewropa trid tgħaddi mill-istqarrijiet ta’ solidarjetà għal atti ta’ solidarjetà fil-kwistjoni,’ qal Mitsotakis waqt li indirizza s-summit għall-Mexxejja tal-Istati Mediterranji, f’Korsika.

Il-Kanċillier Merkel qalet li hi kienet qablet – bħala pass preliminarju – mat-talba ta’ Mitsotakis biex il-Ġermanja taċċetta xi 400 minorenni li mhumiex akkumpanjati mill-adulti u li kienu trasferiti minn Lesbos lejn inħawi oħra tal-Greċja. Hi qalet li Franza qed tipparteċipa f’din l-iskema fost tamiet ‘li Stati oħrajn tal-UE jagħmlu l-istess ħaġa’. Dan fost rapporti li l-Olanda qablet biex tieħu mal-50 tfal minn fost l-immigranti ta’ Lesbos.

Sadanittant, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Margaritis Schinas, qal — wara li żar is-sit tal-kamp ta’ Moria u ra b’għajnejh l-istat ta’ qerda – li hi ħaġa ‘inkonċepibbli’ li l-UE ma għandhiex politika komuni għall-immigrazzjoni, Hu kompla li l-proposti tal-Kummissjoni għal patt ġdid dwar l-immigranti u l-politika għall-kenn politiku (li se jkunu preżentati dan ix-xahar) mistennija ‘iġibu fi tmiem din is-sitwazzjoni inaċċettabbli.’