Lokali Qorti

Il-Pulizija tgħin żagħżugh minkejja li ħebb għal żewġ Surġenti u Kuntistabbli

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace laqgħet it-talba biex żagħżugħ jingħata l-għajnuna kollha disponibbli filwaqrt li qaltlu li għandu għalfejn jirringrazzja lill-Pulizija fejn minkejja li attakka tliet uffiċjali minn tagħha kienet lesta tgħinu.

Minkejja li ammetta li attakka żewġ Surġenti u Kunstistabbli, l-Pulizija qablet li Jean Claude Azzopardi ta’ 26 sena minn Pembroke għandu jingħata kull għajnuna biex jiffaċċja l-problemi li għandu.

Jean Claude Azzopardi ammetta kif fil-lejl ta’ bejn l-10 u l-11 ta’ Settembru li għadda f’San Ġiljan ħebb għas-Surġenti Shaun Axiaq u Aldo Zammit u għall-Kuntistabbli Matthew Borg.

Iż-żagħżugħ, li qal li jaħdem fil-ħanut tal-laħam ta’ missieru, ammetta wkoll li kiser il-paċi pubblika kif ukoll li naqas li jobdi l-ordnijiet mogħtija lilu mill-istess pulizija.

L-Ispettur Jonathan Cassar qal fil-Qorti li l-Pulizija kienu qegħdin fuq ronda meta ġew attakkati miż-żagħżugħ mingħajr ġusitifikazzjoni. L-Avukati Arthur Azzopardi u Rene Darmanin, li dehru għall-akkużat, talbu li qabel jingħata s-sentenza jsir rapport minn ‘social worker’ bl-uffiċjal prosekutur jaqbel ma’ din il-proposta.

Il-Maġistrat Micallef Stafrace laqgħet it-talba . Sakemm dan jitlesta Azzopardi ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li nhar ta’ Ħamis li jiffirma l-għassa ta’ Tas-Sliema u li jagħmel tajjeb għal dan b’garanzija personali ta’ €5,000.