Festi Kultura Kunsilli Lokali Lokali Mużika

Is-Sindku Żabbari jirrevoka permess mingħajr ma kkonsulta ‘l-bqija tal-Kunsill

Kellha tissejjaħ laqgħa urġenti tal-Kunsill tard il-Ġimgħa filgħaxija biex tannula id-deċiżjoni li ħa Jorge Grech waħdu

L-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar ħarġet stqarrija iebsa fil-konfront tas-Sindku Laburista, Jorge Grech, wara li dan irrevoka permess sabiex jiġu armati mwejjed u siġġijiet f’Misraħ is-Sliem, quddiem is-sede tal-istess Soċjetà, mingħajr ma kkonsulta ‘l-kunsilliera l-oħra.

Dan wara li l-Għaqda kellha l-approvazzjoni tal-awtoritajiet konċernati li l-inizjattiva, meħuda biex tħares saħħet is-soċji, partitarji u l-ammiraturi tal-Għaqda, kienet waħda aċċettabbli.

Il-miżura tal-armar tal-imwejjed u s-siġġijiet kienet waħda minn għadd ta’ miżuri oħrajn li ħadet l-Għaqda, li jinkludu fost l-oħrajn l-armar ta’ tined, sanitizing stands, tabelli, l-użu ta’ maskri, il-preżenza ta’ membri tas-sigurtà, it-teħid tat-temperatura għad-deni, l-użu ta’ toilets, tagging tal-persuni u tabelli li jindikaw id-distanza rikjesta bejn grupp ta’ persuni u ieħor.

B’hekk, l-Għaqda kienet se tevita li quddiem is-sede tagħha ma jkunx hemm iffullar propju fi tmiem il-ġimgħa tal-Festa tal-Madonna tal-Grazzja, dejjem skont dak mitlub mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, hekk kif ħejjiet protokol aktar rigoruż minn dak użat mill-istabbilimenti kollha f’ Malta.

Il-Banda San Mikiel irrimarkat kif membri tal-Kumitat tagħha, flimkien ma’ soċji oħra, pruvaw iżommu komunikat kontinwu dwar iżda s-Sindku baqa’ jinjora t-talbiet tagħha.

Kien għalhekk li l-Kumitat se jżomm lis-Sindku responsabbli għal dak li jseħħ fuq barra tas-sede u għal din l-azzjoni tiegħu, li swiet lill-Għaqda danni finanzjarji, filwaqt li appellaw għall-għajnuna tal-kunsilliera l-oħra biex din id-deċiżjoni tiġi kkunsidrata mill-ġdid f’qasir żmien.

Intant, wara li ħarġet din l-istqarrija u l-istorja ppubblikata fuq dan is-sit il-Ġimgħa, issejjħet laqgħa urġenti tal-Kunsill biex timminimizza l-ħsara li saret, bis-Sindku jkollu jivvota mal-kunsilliera l-oħra ħalli jinħarġu permessi lill-għaqdiet mużikali Żabbarin għal tqegħid ta’ mwejjed u siġġijiet sabiex jingħata s-servizz ta’ ikel u xorb, nhar is-Sibt 12 u l-Ħadd 13 ta’ Settembru, suġġettivi għal permessi jew struzzjonijiet tal-Pulizija.

Wara din id-deċiżjoni ta’ malajr, il-banda l-oħra Żabbarija, is-Soċjetà Filarmonika Maria Mater Gratiae, ħarġet stqarrija tiddeplora d-deċiżjoni mgħaġġla u urġenti tal-Kunsill Lokali Żabbari, li timminimizza l-ħsara li laħaq ikkawża s-Sindku u li biha nħoloq preċedent ta’ periklu għal kulħadd.

Minkejja dan, hija saħqet li m’għandha l-ebda problema li Soċjetajiet Mużikali, għaqdiet jew kwalunkwe entità oħra, jorganizzaw attivitajiet esterni skont il-parametri tal-liġi u tad-direttivi tas-saħħa.