Internazzjonali

Jaħarbu min-nirien f’Oregon

‘Il fuq min-nofs-miljun persuna fl-Istat ta’ Oregon, fl-aħħar sigħat, kienu qed jaħarbu min-nirien bla preċedent li qabdu qalb territorju aħrax u li kienu qed avvanzaw b’rata allarmanti mill-artijiet tal-Pacific Northwest.

In-nirien huma ta’ periklu kbir minħabba li l-kurrenti tal-arja sħuna kienu qed jixprunaw il-fjammi b’veloċità tul l-inħawi ta’ Oregon. Dan meta l-awtoritajiet tal-Istat qed jitrattaw talanqas inċidenza waħda ta’ nirien bħala ‘attentat bi ħsieb speċifiku li jwassal għal emerġenza ta’ dan it-tip’.

Il-Gvernatur ta’ Oregon, Kate Brown, qalet li n-numru ta’ vittmi min-nirien ma kienx magħruf, għalkemm l-awtoritajiet laħqu konfermaw talanqas erba’ vittmi.

Fil-preżent ‘il fuq minn 100 nirien (wildfires) qegħdin jaqbdu qalb l-aħrax u z-zoni ta’ foresta fi tnax-il Stat Amerikan. L-agħar Stati affettwati huma Oregon, Kalifornja u Washington, fejn in-nirien qerdu numru ta’ bliet ‘sal-għeruq’.

L-awtoritajiet man-National Interagency Fire Center qalu li l-artijiet meqruda min-nirien, kollettivament, jammontaw għal medda ta’ territorju akbar mill-Istat ta’ Connecticut u li, mill-banda l-oħra, hi ‘ftit anqas mit-territorju ta’ Wales (li jifforma parti mir-Renju Unit)’.