Lokali

Jippreżentaw il-viżjoni tagħhom għall-PN

Adrian Delia u Bernard Grech f’intervista fuq il-PBS

Waqt il-programm Xtra Sajf fuq l-istazzjon Nazzjonali kienu mistiedna il-Kap tal-PN Adrian Delia, u l-avukat Bernard Grech, iż-żewġ persuni li esprimew l-interess għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN.

Tul l-intervista Adrian Delia qal li biex Partit ikun b’saħħtu irid ikun hemm il-lealtà lejn xulxin, għaliex b’hekk ikun hemm l-għaqda biex il-PN jissaħħaħ.

F’partit biex ikun b’saħħtu irid ikun hemm il-lealtà, hekk għażiltu l-logo jien… ‘Għaqda b’lealtà’, lealta lejn il-Partit, lejn il-Kap, jien ma nkunx qed inħobb il-Partit jekk ikun Kap u ma nkunx warajh… inkun qed nidħaq biha nnifsi, u nkun tradejt lill-Partit jekk ikun hemm Kap, u mhux talli ma nappoġjax, talli intellfu, però din it-tesserati naħseb jifhmuha li rridu nkunu magħqudin biex inkunu sfida lil dan il-Gvern

Min-naħa tiegħu Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jiġġeded u jkollu kuntatt dirett man-nies.

Jekk m’aħniex se ngħaqdu l-Partit u nifhmu lil xulxin… ma nistgħux niġġeddu, jekk mhux se niġġeddu, noħolqu network organizzativ kif suppost. Ma rridux ninsew li l-Partit tilef il-kuntatt man-nies hemm barra, tilef il-kuntatt għax is-swaba mhux qed jersqu mid-Dar Ċentrali fid-djar tan-nies.

Waqt din l-intervista, il-Kap tal-PN tkellem dwar id-deal korrott tal-Electrogas, u insista li se jagħmel dak kollu possibbli biex il-poplu Malti u Għawdxi ma jibqax ikun misruq.

Qatt ma bżajt niġġieled il-korruzzjoni mhux se nibża’ u jekk hawn xi ħadd jrid jagħmel test fuq dan, iġib ‘il quddiem inkluż tal-Electrogas, tkellimt illum, ilbieraħ, nibqa’ nitkellem u fil-mument li jkun hemm biżżejed provi illi anki min kien hemm qabli, qatt m’għamel il-pass li għamilt jien dwar il-Vitals, anki f’tal-Electrogas, ninvestigaw il-kuntratt, naraw x’fih ħażin, min hemm warajh, u jekk hemm bżonn inħassruh u nfittxu lil dawk kollha li serqu lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Bernard Grech intant qal li l-Gvern Laburista jrid ikun responsabbli ta’ għemilu, u ma jistax ikun li ħadd ma jiġbidlu l-attenzjoni, inkluż l-ististuzzjonijiet Ewropej.

L-ewwel irridu niġġieldu il-korruzzjoni bil-liġi u anki b’mod politku, biex dan il-pajjiż ikollu isem li jixraqlu. Imbagħad wara iva mmorru Brussel, niddiskutu, imma jkollna dik il-kapaċità u s-saħħa li nistgħu nitkellmu ma min inqisuh li daqsna… mhux iħarsu ‘l ifel lejn u jgħidulna aħjar taraw x’intom tagħmlu f’pajjiżkom. Jekk ma jkollniex isem rispettat f’istituzzjonijiet Ewropew u anki madwar id-dinja, mela se jeħduna biċ-ċajt.”

Tul l-intervista Adrian Delia qal li minn mindu ġie elett bħala Kap tal-Partit tliet snin ilu, il-messaġġ ewlieni tiegħu kien li jressaq lill-PN viċin in-nies, u li din il-ħidma hu se jibqa’ jagħmilha sal-aħħar. Huwa qal li mhux se jibża mill-isfidi, u f’kull ġurnata li tgħaddi se jibqa’ jagħti kollox … għax jaf li meta jagħmel dan ikun qed jistinka għall-pajjiż u għall-futur tal-Maltin u l-Għawdxin.

Bernard Grech stqarr li l-PN se jibqa’ jkun mibni fuq id-diskussjoni kemm interna u anki maċ-ċittadini. Saħaq ukoll li fid-deċizzjonijiet li jittiehdu trid tinghata prijorità ghas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi kollu… u li ssir ħidma biex isem Malta jitnaddaf u jerġa’ jkun rispettat.