Internazzjonali

L-Ingilterra: ‘Qabża fil-każi’ tal-Covid-19 skont it-testijiet fid-djar

Studju mħejji għall-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali – u fejn kienu analizzati kampjuni li ttieħdu għall-għarrieda mid-djar – qed jissuġġerixxi żieda kbira fil-każi tal-coronavirus ( Covid-19) fl-Ingilterra.

Iċ-ċifri jissuġġerixxu li kien hemm 3,200 każ ġdid ta’ infezzjoni għal kull ġurnata matul l-ewwel ġimgħa ta’ Settembru – meta mqabbla mal-2,000 każ kuljum, matul il-ġimgħa ta’ qabel.

Dan meta l-entità bl-isem Scientific Advisory Board for Emergencies qalet li l-R number (factor) tal-pandemija għar-Renju Unit qabeż il-1.0 – u li wkoll jindika ż-żieda fil-każi.

L-istudju għall-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali, fl-istess ħin, jindika li hemm mad-39,700 persuna ‘attwalment infettati bil-Covid-19’ fl-Ingilterra — jiġifieri qabża sostanzjali mis-27,100 tal-ġimgħa preċedenti.

Fl-istess ħin, studju li jinkorpora ‘il fuq minn 150,000 persuna u li twettaq mill-Imperial College ta’ Londra, jissuġġerixxi li l-każi tal-infezzjoni qegħdin jirduppjaw ‘f’kull seba’ jew tmint ijiem’.

L-ammont tal-każi tal-coronavirus ikkonfermati madwar id-dinja issa – skont l-aħħar kalkuli — qabeż it-28 miljun u fejn kienu reġistrati ‘il fuq minn 900,000 mewta.

Fi żviluppi oħra, il-każi tal-Covid-19 fi Franza żdiedu b’9,843 għall-ġurnata tal-Ħamis u li jfisser l-akbar qabża għal jum wieħed f’dan  il-pajjiż mill-bidu tal-pandemija. L-awtoritajiet Franċiżi, illum, iltaqgħu biex jiddiskutu l-introduzzjoni ta’ miżuri aktar riġidi bit-tama li dawn jikkumbattu ‘aħjar’ il-firxa tal-virus fil-pajjiż.

Madankollu r-rekord dinji għall-akbar numru ta’ infezzjonijiet għal perjodu speċifiku ta’ 24 siegħa irreġistratu l-Indja – li f’ġurnata waħda biss ikkonfermat 96,000 każ ġdid tal-Covid-19 fl-artijiet tagħha.