Lokali

Mara l-isptar wara li waqgħu folji tal-gypsum f’Wied il-Għajn

Ritratt: Joslin Borg Muscat

Mara ta’ 46 sena residenti Marsaskala, qed issofri ġrieħi gravi wara inċident li ġara f’residenza.

Kienu għall-ħabta tas-siegħa u kwart, x’ħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza ġewwa residenza li tinsab fi Triq il-Granmastri, f’Marsaskala.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li numru ta’ folji ta’ gypsum boards waqgħu fuq il-mara meta marret biex tressaqhom u sofriet xi ġrieħi.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu u kif ukoll tim mediku li ta l-ewwel għajnuna. Aktar tard hi ttieħdet l-isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza għall-aktar assistenza medika fejn ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.