Lokali Qorti

Omm l-akkużat tiddeċiedi li ma tixhidx fil-każ ta’ binha

Meta dalgħodu kompliet l-kumpilazzjoni ta’ Justin Borg ta’ 33 sena minn Ħal Safi, akkużat bil-qtil ta’ Chantelle Chetcuti, ta’ 34 sena, li seħħ barra l-każin tal-klabb tal-futbol ta’ Żabbar St. Patricks seba’ xhur ilu, ommu ddeċidiet li ma tixhidx fil-każ.

Rita Borg qalet biss li hija taf li binha u Chantelle Chetcuti kienu ilhom f’relazzjoni ta’ 16-il sena u li fl-2019 dawn kellhom xi diżgwid bejniethom. Ma tafx x’kienu l-problemi li kellhom iżda taf li r-relazzjoni tagħhom ma kinitx mitmuma għal kollox peress li hija kienet tmur lura għand Justin.

Hawn omm l-akkużat talbet lill-Qorti li ma xtaqitx tkompli twieġeb il-mistoqsijiet tal-Prosekuzzjoni, liema talba kienet milqugħha mill-Qorti u għaldaqstant ġiet eżentata mix-xhieda.

Xehed ukoll is-sesswologu Matthew Bartolo, li qal li għandu klinika u li fiha hemm taħdem terapista tal-familja u li kienet hi li kienet tara lil Justin u Chantelle fejn kienu qegħdin jagħmlu sessjonijiet ta’ terapija.

Qal li huwa qatt ma raha lill-koppja u minn informazzjoni li għandu marru għand it-terapista fit-28 ta’ Ottubru, fil-5 ta’ Novembru u s-6 ta’ Novembru tal-2019.

Qal li kienu marru wkoll 10 ta’ Jannar u fl-24 ta’ Jannar ta’ din is-sena u kien hemm waħda li ġiet posposta. L-Avukat Franco Debono staqsa lil Bartolo min kien li għamel it-talba biex jibdew jattendu l-klinika tiegħu, bix-xhud jgħid li ma jistax jikkonferma min.

L-ewwel xhud kien Joseph D’Amato, Kuntistabbli mill-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar. Huwa qal li kif il-Ġimgħa stess daħal għax-xogħol fis-6.00am. ġie nfumat biex imur għal Dylan Meilak biex jakkumpanjah il-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni trid lil Meilak jixhed peress li huwa kien f’kuntatt mal-vittma u l-akkużat fil-jum ta’ l-omiċidju. D’Amato qal li meta mar fuq il-post ma sab lil ħadd u rriżulta li l-indirizz huwa taz-zija ta’ Meilak, li qalet lill-Pulizija li mar joqgħod iż-Żebbuġ, Għawdex.

Fuq mistoqsijiet tal-Prosekuzzjoni qal li l-Pulizija marru jfittxuh fis-7.30am. Qal li kif dgħax-xogħol sab mandat ta’ akkumpanjament li ma kienx jaf bih qabel. Tenna li ma jafx x’għamlu kollegi oħra dwar Meilak, jekk kienu marru jfittxuh qabel gġax huwa ma kienx xogħol l-Erbgħa u l-Ħamis.

L-Avukat Franco Debono qal li lanqas jaf x’se jikkummenta dwar dan il-fatt bil-Qorti tordna mandat ta’ akkumpanjament fil-konfront tiegħu u li t-tfittxija għalih issir filgħodu stess. Tenna li normalment akkumpanjament u arrestati jsiru fil-jum ta’ qabel jew filgħaxija, u sostna li mhux sew kif seħħew l-affarijiet.

Għaldaqstant id-difiża ssospendiet ir-rikors li hija għamlet għat-talba tal-libertà proviżorja fil-konfront tal-akkużat u dan biex jiġi dekretat mill-Qorti wara li jixhed Meilak fis-seduta li jmiss.

Justin Borg qed jiġi akkużat bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu u omm iż-żewġ uliedu bniet, waħda ta’ 10 snin u oħra ta’ 15-il sena. Chantelle Chetcuti kienet mietet wara 24 siegħa tissielet għal ħajjitha, fejn kienet għamlet ukoll xi ħin mitlufa minn sensiha fuq bankina.

Kien għall-ħabta tat-8.15pm tal-Ħadd filgħaxija meta xi persuni daħlu fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar jirrapportaw li fuq il-bankina kien hemm mara mitlufa minn sensiha, b’daqqiet ta’ sikkina f’rasha.

Borg, li meta tressaq il-Qorti qal li huwa jaħdem għal rasu ġie mixli li wettaq dan l-omiċidju fil-jum tal-Ħadd tat-2 ta’ Frar li għadda filgħaxija permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina f’rasha, b’waħda minnhom tinfed ukoll ngħasha, u dan allegatament waqt argument f’Ħaż-Żabbar.

Justin Borg qed jiġi mixli b’ħames akkużi, l-aktar gravi bl-omiċidju ta’ Chantelle Chetcuti, wkoll minn Ħal-Safi liema każ seħħ fi Triq is-Santwarju għall-ħabta tat-8.00pm.   

L-Ispetturi Kurt Zahra mill-Iskwadra tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u Joanna Piscopo tad-Disrett qed jixlu wkoll lil Borg, li waqt il-kummissjoni tar-reat kien fil-pusses ta’ arma irregolari, f’dan il-każ sikkina, li kienet fil-pusses tiegħu mingħajr liċenzja.

Huwa qed jiġi mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb qed jidhru għal Borg.