Lokali

Tħassib fost l-Għawdxin dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq il-qasam edukattiv – PN

L-Għawdxin jinsabu mħassbin dwar in-nuqqas tal-Gvern u partikolarment tal-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li jindirizzaw problemi li ħolqot l-imxija tal-COVID-19 fuq is-settur tal-edukazzjoni.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u r-Riformi Kostituzzjonali Chris Said, id-Deputat Whip Frederick Azzopardi u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar stqarrew li hemm tħassib fost ħafna għalliema u Learning Support Educators (LSEs) Għawdxin li jaħdmu Malta u li ta’ kuljum jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer sabiex imorru għax-xogħol. Dan l-ivjaġġar isir mhux biss bil-vapur, iżda wkoll permezz ta’ mini-buses li llum saru l-aktar mezz konvenjenti ta’ vjaġġar f’Malta għal dawn il-ħaddiema.

L-imxija tal-COVID-19 se twassal għal piżijiet ġodda fuq dawn il-ħaddiema, li l-Gvern jeħtieġ li jindirizza. Fost dawn, il-piżijiet hemm ir-riskji ta’ infettar bil-COVID-19 meta wieħed ikun qed jivjaġġa ma’ oħrajn għal tul ta’ ħin fi spazju żgħir bħalma huwa dak f’mini-bus. Hemm ukoll il-fatt li ħafna operaturi jidher li qed inaqqsu l-ammont ta’ passiġġieri li lesti jġorru fil-vetturi, pero` bil-prezz għal kull vjaġġ jibqa’ dak ta’ qabel il-COVID-19. B’hekk, ras għal ras, kull passiġġier ikollu jhallas aktar, għax il-prezz jinqasam fuq inqas nies.

Imbagħad sa fejn huwa possibbli, korsijiet li jistgħu jsiru online għandhom jingħataw il-possibbilta’ tat-tagħlim virtwali għall-Għawdxin. Speċjalment meta l-użu ta’ faċilitajiet ta’ dan it-tip, ilu jinħass f’Għawdex sa minn qabel l-imxija tal-COVID-19 u dan għaliex tippermetti lill-istudenti Għawdxin li jsegwu l-istudji tagħhom u fl-istess ħin jiffrankaw l-iskariċċ li jkollhom jivjaġġaw lejn/jew joqogħdu fiżikament f’Malta, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu fosthom spejjeż żejda f’kiri ta’ appartamenti u ħela ta’ ħin fi vjaġġar.

Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern Laburista u partikolarment lil Owen Bonnici u Clint Camilleri li huma l-Ministri konċernati sabiex jagħmlu minnufih il-konsultazzjonijiet meħtieġa u jipprovdu s-soluzzjonijiet adekwati li l-Għawdxin qegħdin jistennew minnhom.