Lokali Qorti

Woods ried ikellem Pulizija l-isptar biex jammetti li qatel persuna

Meta kien rikoverat l-isptar John Paul Woods ried jitkellem ma’ membru tal-Korp tal-Pulizija biex jistqarr miegħu li kien qatel persuna. Dan kien seħħ fid-19 ta’ Lulju li għadda filgħaxija.

Meta kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Woods li għandu 40 sena, u li jinsab mixli bil-qtil ta’ Charlene Farrugia u li 12-il sena ilu ħeba l-katavru tagħha f’sur taħt il-Belt, il-Kuntistabbli Joseph Farrugia qal fil-Qorti li huwa kien xogħol Mater Dei u fis-7.30pm kien ċemplulu mis-sala ENT.

Min kellu kien qallu li kien hemm persuna li ried jammetti li qatel lil xi ħadd  persuna. Huwa qal li mill-ewwel ċempel l-Għassa tas-Sliema dwar dan u l-Ispettur Jonathan Ransley qallu li kien se jieħu ħsieb hu. Huwa qal li ma kienx kelem lil persuna li riedet tammetti li wettqet omiċidju.

Wara xehed il-Kuntistabbli Gennaro Vassallo, stazzjonat tas-Sliema, li qal li fid-19 ta’ Lulju, 2019 kien xogħol l-Għassa tas-Sliema. Dan kien filgħaxija u fit-7.45pm ċempillu l-Kuntistabbli Farrugia li qallu li pazjent bl-isem ta’ Woods ried ikellem lil xi ħadd għax beda jgħid li qatel persuna. Qal li mill-ewwel ħa azzjoni u nforma lill-Ispettur Jonathan Ransley.

Wara xehedet il-konsulenta psikjatrika Maria Bezzina Xuereb.  Hija qalet li fl-20 ta’ Lulju li għadda kien nfurmawha biex jaraw jekk il-pazjent Woods jinsabx f’qagħda li jista’ jkellem lill-Pulizija.

Hija qalet li tagħat il-permess biex il-Pulizija jkellmu lil Wodds. Ikkonfermat li Woods kien inkwetat fuq il-familja tiegħu u li kellu xi forma ansjetà iżda skont hi kien kapaċi jagħti stqarrija lill-Pulizija.

L-Avukat Roberta Bonello li qed tidher għall-akkużat staqsiet numru ta’ domandi lix-xhud, fosthom jekk tiftakarax li dan kien għamel intevent jew jekk kienx taħt l-effett tal-loppju.

Ix-xhud qalet li huwa minnu li kien anzjuż u li hi ma daħlitx fuq is-suġġet dwar dak li ried jgħid lill-Pulizija. Qalet li f’mument kien qed jibki iżda l-kundizzjoni tiegħu ma kinitx tali li twaqqfu  minn dak li kellu xi jgħid lill-Pulizija. Bezzina Xuereb qalet ukoll li kienet taf li Woods sa minn qabel kien fuq trattament psikjatriku.  

Wara xehded eks ħabiba tal-akkużat. Hawn l-Avukati tagħha Ishmael Psaila u Sean Zammit talbu lill-Qorti biex isimha ma jissemmiex, mhux biss għax għandha isem partikolari imma wkoll minħabba fattura oħra.

Il-Qorti anke jekk kienet xettika dwar dan, wara li semgħet lid-difiża u lill-Prosekuzzjoni ma toġġezzjonax, spjegat lill-ġurnalisti biex joqgħodu mal-każ u ma jsemmux il-ħajja privata ta’ nies li m’għandhomx x’jaqsmu.

Il-mara tkellmet dwar xogħol li kien jagħmel l-akkużat fl-appartament tagħha f’Ottubru 2008 iu li għamlet perjodu wkoll toħroġ miegħu. Qalet li dam jaħdem f’dan il-post sa Diċembru 2008 meta huwa kien ġie arrestat.

Qalet li meta għadda ż-żmien bdiet tarah jaġixxi strab u skopriet li beda jieħu d-droga.  Kien dejjem jitlobha l-flus għas-siment għall-post u għal oġġetti li ma kinitx taf fuq xhiex.

Qalet li meta kien ġie arrestat kien jgħidilha li kellu passat diffiċli u li kien qalilha hu stess li jabbuża mid-droga u kienet titħassru. Kien ukoll spiċċa l-ħabs u mar f’ċentru għar-riabiltazzjoni kontra d-droga u ħareġ fi Frar tal-2011.

Madankollu reġa’ beda bid-droga u metra għadda ż-żmien ma baqgħetx tarah bħala vittma u telqitu. Qalet li baqa jiġri warajha u kienet tibża’ minnu għal mod kif kien jaġixxi. Qalet ukoll li darba kien heddidha.

Semmiet ukoll okkażjoni meta kellu farret fuq spallejh il-leminija u kien qalilha li xi ħadd li kellu jagħtih il-flus tah daqqa ta’ sikkina.  Ma tiftakarx li kien mar għand xi tobba biex ifejjaq il-ġerħa li kellu.

Il-kumpilazzjoni qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ John Paul Woods li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Charlene Farrugia u li allegatament ħeba l-katavru tagħha.

Ir-raġel ta’ 40 sena u li huwa ta’ dixxendenza Ngliża qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi u baqa’ miżmum arrestat il-ħabs fejn qed jiskonta sentenza ta’ ħabs fuq serq. Il-fdalijiet tat-tfajla, li kienet ilha rrapportata nieqsa għal 12-il sena, kienu nstabu s-sena l-oħra f’daħla f’sur fil-Belt Valletta, taħt ir-riħ tal-lukanda Phoenicia.

Skont il-Prosekuzzjoni l-investigazzjoni bdiet fid-19 ta’ Lulju li għadda meta Woods kien arrestat fuq każ taż serq minn ħanut tal-merċa fil-Gżira. Ingħad ukoll li Woods kien talab biex ikellem lill-Pulizija għax xtaq jammetti li qatel tfajla li kellha madwar 17-il sena. Skont il-Pulizija Woods qalilhom li kien qatilha b’daqqa ta’ sikkina u fgaha billi żammilha ħalqha b’idejh.

Mill-provi li ħarġu fis-seduti preċedenti f’Novembru tal-2008, Woods beda jirċievi lmenti minn ġirien dwar riħa tinten fl-appartament fejn seħħ id-delitt f’San Pawl il-Baħar. Kien għalhekk li ddeċieda li jqatta’ l-ġisem f’partijiet żgħar u poġġihom fi xkejjer.

Huwa kien ammetta mal-Pulizija li kien qatta’ l-parti tan-nofs tal-katavru tat-tfajla f’erba’ biċċiet, tefaż fihom taħlita ta’ siment, u r-ras u s-saqajn poġġihom fi xkora u ħbiehom fil-lokalità tal-Furjana.

Skont it-teżi tal-Pulizija, Woods ġarr il-katavru bil-karozza tal-vittma stess. Għal Woods qed tidher l-Avukat Roberta Bonello filwaqt li għall-familjari tal-vittma qed jidher l-Avukat Mario  Mifsud. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi James Grech u Jonathan Ransley.  Il-kawża se tkompli fit-22  ta’ Settembru fis-2.30pm.