Coronavirus Lokali

27 każ pożittiv ġdid fl-aħħar 24 siegħa

Fl-aħħar 24 siegħa rriżultaw 27 każ ieħor ġdid ta’ Coronavirus. B’hekk, it-total ta’ każi mill-ewwel każ, fis-7 ta’ Marzu, ‘l hawn, issa tela’ għal 2,478. Min-naħa l-oħra, fl-aħħar sigħat fiequ 17-il persuna oħra.

Dan kollu ħareġ mill-aġġornament li l-Ministeru tas-Saħħa ppubblika fuq Facebook, fejn ingħataw ukoll dettalji dwar il-każi li tħabbru lbieraħ.

Fil-fatt, 13 minn dawk il-każi kienu minn residenza għall-anzjani, sitt qraba ta’ każi preċedenti, tliet każi ta’ kollegi fil-post tax-xogħol, każ minn Paceville u każ ieħor ta’ kuntatt dirett ma’ każ preċedenti.

Sadanittant, il-każi tal-lum kienu minn 1,647 swab test. Dan hu ammont żgħir ħafna meta wieħed iqabbel mal-medja ta’ 3,000 test li saru fl-aħħar jiem.

Meta wieħed jgħodd il-każi pożittivi, dawk li fiequ u dawk li sfortunatament tilfu ħajjithom, isib li l-każi attivi telgħu għal 479. Dawn jinkludu s-70 każ attiv fost l-immigranti irregolari, li fl-aħħar ġimgħat ma kienux qed jingħaddu maċ-ċifri uffiċjali ppubblikati mill-Gvern wara insistenza mill-Prim Ministru Robert Abela.